Imniedi ċ-ċertifikat tal-vaċċin; 'Se jippermetti attivitajiet li sa issa ma stajniex nagħmluhom'

Il-Prim Ministru u l-Ministru Fearne jikkonfermaw li ċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun jista' jintuża għas-safar, għal żjarat fid-djar tal-anzjani u għall-organizzazzjonijiet ta' attivitajiet

Il-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, illum nedew iċ-ċertifikat tal-vaċċin li se jkun jista' jintuża kemm għas-safar, għal żjarat fid-djar tal-anzjani u anke biex fil-futur qrib ikunu jistgħu jerġgħu jibdew isiru ċertu attivitajiet.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja li matulha l-Prim Ministru Abela, filwaqt li saħaq li l-pandemija għadha ma spiċċatx, saħaq li kif wiegħed, f'Mejju, Malta qabdet it-triq lejn in-normalità.

Għalhekk, minn nofsilejl, kull persuna li hija mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19 tista' tniżżel il-vaċċin minn fuq is-sit ċertifikatvaċċin.gov.mt.

Id-Deputat Prim Ministru spjega kif iċ-ċertifikat se jkun jista' jitniżżel ħmistax wara li persuna tkun ħadet iż-żewġ dożi fil-każ tal-vaċċin ta' Pfizer, Moderna jew l-AstraZeneca jew inkella d-doża fil-każ tal-Johnson & Johnson. Dan jista' jitniżżel jew b'forma diġitali u allura wieħed isibu fuq l-ismartphone tiegħu jew inkella jniżżel id-dokument li jkun jista' jiġi stampat.

Dan se jkun jinkludi bar code uniku li jkun jista' jinqara minn operaturi li jkollhom il-permess mill-awtoritajiet biex ikunu jistgħu jaraw iċ-ċertifikat.

Id-Deputat Prim Ministru spjega kif minn nofsilejl, 140,000 persuna se jkunu jistgħu jniżżlu dan iċ-ċertifikat (għax ikunu ilhom ħmistax li tlaqqmu kompletament), b'dan in-numru jiżdied kuljum. 

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-fatt li Malta mxiet b'pass b'saħħtu fejn jidħol il-vaċċin, ifisser li se tkun minn tal-ewwel li tibda tgawdi l-benefiċċji tiegħu. Saħaq li dan qed jidher fir-rata tal-każi u l-imwiet li naqqsu drastikament u anke għax Malta se tkun minn tal-ewwel li se tkun tista' tibda tħaddem iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Fil-fatt, tul il-konferenza ġie spjegat kif iċ-ċertifikat se jkun jista' jintuża:

  • minn dawk li se jsiefru biex ma jkollhomx għaliex jagħmlu test qabel jirritornaw Malta;
  • minn dawk li għandhom qraba fi djar tal-anzjani biex ikunu jistgħu jżuruhom fil-kamra tagħhom u 'l quddiem joħorġuhom;
  • biex tkun tista' titneħħa l-maskra fil-pubbliku mill-1 ta' Lulju (sakemm persuna tkun waħedha jew ma' persuna oħra mlaqqma); u
  • biex 'il quddiem iċ-ċertifikat jibda jintuża għall-organizzazzjoni ta' ċertu attivitajiet.

"Iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jippermetti numru ta' attivitajiet li sa issa ma stajnix nagħmlu minħabba l-pandemija u li pajjiżi oħra ma jistgħux jagħmlu għax mhux imlaqqma daqsna. Għax ninsabu daqstant 'il quddiem u s-saħħa tagħna hija protetta, issa nistgħu nibdew nagħmlu dawn l-attivitajiet, li persuni mlaqqmin, jistgħu jattendu għalihom," spjega l-Ministru Fearne.

Fil-fatt, ħabbar kif sal-lum, Malta għandha 48% tal-popolazzjoni li hija mlaqqma kompletament, filwaqt li 72% tal-popolazzjoni ħadet imqar doża waħda tal-vaċċin. Dan wassal biex jonqsu drastikament il-pazjenti fl-isptariijet, hekk kif bħalissa hemm tliet pazjenti biss fl-isptar u li huma morda bil-Covid-19.

Aqra wkoll: Iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jippermetti attivitajiet kulturali u ta' divertiment minn Lulju

Qal ukoll li bħalissa għaddejin diskussjonijiet ma' pajjiżi oħra biex huma jirrikonoxxu ċ-ċertifikat tal-vaċċin Malti u Malta tirrkonoxxi tagħhom. Insista li dan se jippermetti li turisti se jkunu jistgħu jiġu Malta b'mod sigur għalihom u għall-Maltin. Issa qabel turist jaqbad ajruplan lejn Malta, irid jippreżenta jew PCR test jew inkella ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Min ma jkollux dan mhux se jitħalla jitla' abbord.

Fearne qal li fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin, il-Ministru se jagħti d-dettalji ta' dawk il-pajjiżi li Malta tkun laħqet ftehim magħhom.

Iċ-ċertifikat biżżejjed biex nirritorna Malta?

Fearne spjega wkoll li ċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun jista' jintuża wkoll mill-Maltin li jkunu siefru lejn pajjiżi fil-lista amber u jkunu ġejjin lura Malta.

Sal-lum dawn iridu jġibu magħhom jew jagħmlu PCR test. Issa jistgħu jippreżentaw iċ-ċertifikat.

Fil-każ tal-pajjiżi fuq il-lista l-ħamra, kull ġimgħa se jkun imħabbar liema minn dawn il-pajjiżi se jinfetħu għas-safar u għalhekk Maltin ikunu jistgħu jsiefru lejhom u jirritornaw għax ikollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin

Insista li se jkun hemm pajjiżi, speċjalment dawk fejn ifeġġu varjanti ġodda, li għalihom l-ivjaġġar se jibqa' pprojbit.

Mistoqsi dwar it-tfal, Fearne fakkar li minn Lulju se jkunu qed jitlaqqmu wkoll dawk li għandhom bejn 12 u 15-il sena. Tfal ta' taħt il-ħames snin mhux se jkollhom bżonn ċertifikat jew inkella PCR test biex jirritornaw Malta.

Għat-tfal ta' bejn sitt u 11-il sena, Fearne ikkonferma li dawn it-tfal, peress li għalissa ma jistgħux jieħdu t-tilqima, jekk ikunu se jsiefru mal-ġenituri, ikollhom bżonn jagħmlu PCR test. Dan qed isir biex jitnaqqas ir-riskju fl-iskejjel tas-sajf u anke fl-iskejjel, meta jerġgħu jiftħu f'Settembru.

75,000 niżlu l-vouchers b'mod diġitali

Intant, rigward il-vouchers, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar li mit-Tnejn 7 ta' Ġunju se jkunu qed jiġu rrilaxxati aktar restrizzjonijiet u anke jkunu jistgħu jibdew jintużaw il-vouchers.

75,000 persuna niżlu l-vouchers b'mod diġitali. Min ma jniżżilx il-vouchers b'mod diġitali sal-4 ta' Ġunju, se jkun qed jirċevihom bil-posta rreġġistrata.

Aqra wkoll:

More in Politika