‘Qed inżommu b’tibna, il-kmamar tan-nar f’qagħda kritika ... għandhom jingħataw għajnuna’

Hekk kif il-festi esterni mhux se jkunu qed isiru għat-tieni sena konsekuttiva, il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Għaqda Piroteknika Maltija. Il-President Josef Camilleri jisħaq dwar il-bżonn li l-kmamar tan-nar jingħataw l-għajnuna u biex ikunu koperti spejjeż bħal dawk marbuta mal-Protezzjoni Ċivili

Il-ġimgħa li għaddiet sar magħruf li l-festi esterni, kif imdorrija bihom matul il-ġranet sħan tax-sajf, se jkollhom jistennew sena oħra hekk kif minħabba s-sitwazzjoni delikata tal-pandemija, huwa impossibbli li jiltaqgħu eluf ta’ persuni flimkien biex jiċċelebraw. Il-piroteknika hija parti essenzjali mill-festi Maltin u xi drabi, ftit li xejn nitkellmu ma’ dawn il-voluntiera li jaħdmu s-sena kollha biex jixgħelu s-sema bil-kuluri sbieħ tal-murtali.

Għalhekk il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-President tal-Għaqda Piroteknika Maltija, Josef Camilleri li ma tantx dahar mal-lewża u saħaq ċar u tond li l-kmamar tan-nar jinsabu f’qagħda prekarja għax id-dħul tista’ tgħid li hu wieqaf għal kollox. 

“Bħalma ġew mgħejjuna għaqdiet oħra, nittama li l-kmamar u l-għaqdiet tan-nar u anke l-għaqdiet tal-festi jingħataw għajnuna,” insista Camilleri. Spjega kif anke jekk jingħata l-permess biex jaħarqu xi nar, din is-sena se jkun hemm min jagħżel li ma jaħraqx, għax, fi kliemu, ħadd ma jiflaħ għall-ispejjeż li dan iġib miegħu. 

‘Id-dħul wieqaf għal kollox... ’

Fil-fatt, l-ILLUM, minnufih bdiet titkellem ma’ Camilleri dwar il-qagħda finanzjarja tal-kmamar tan-nar. Fakkar li l-kmamar u l-għaqdiet tan-nar idaħħlu l-flus mill-attivitajiet li jorganizzaw, bħalma huma ikliet jew tombli u anke mill-bejgħ ta’ murtali lil dawk il-festi li ma għandhomx kamra tan-nar.

Camilleri insista li dawn l-attivitajiet li bihom tista’ tiġbor xi ħaġa tal-flus huma kollha wieqfa u għalhekk id-dħul tal-kmamar tan-nar waqaf għal kollox. Iżda mhux biss. Irrefera għal dawk il-festi li ma għandhomx kmamar tan-nar u jaħdmu biex jixtru n-nar. Saħaq li dawn ukoll mhu qed ikollhom l-ebda dħul u għalhekk ma jaffordjawx li jixtru n-nar mill-kmamar.

‘Qed inżommu b’tibna ... il-festi huma importanti għall-ekonomija’

Kien hawn li Camilleri fakkar kemm il-festi, partikolarment il-piroteknika, hija importanti għat-turiżmu. Qal li ħafna barranin jiġu Malta biex jaraw il-festi, partikolarment għal-logħob tan-nar Malti. “Barra minn Malta għamilna isem u sirna popolari. Morna fejn morna, ħadna l-unuri,” insista Camilleri.

“Għalhekk importanti li l-kmamar tan-nar u l-għaqdiet tal-festi jingħataw għajnuna biex ma jegħrqux. Bħalissa qed inżommu b’tibna,” insista Camilleri. Preżentament kull kamra tan-nar tieħu somma ta’ €5,000 iżda dawn jintużaw biex ikunu implimentati miżuri ta’ saħħa u sigurtà. 

Fakkar ukoll li l-pirotekniċi kollha Maltin huma voluntiera, l-istess kif inhuma dawk li jaħdmu għall-festi. 

“Il-festi huma pedina importanti fl-ekonomija. Taf kemm tinvolvi nies, xogħol u materja prima? Żebgħa, drapp għall-armar, materjal għall-piroteknika, gabbani, bars, bandisti, mużiċisti, dawl u elf ħaġa oħra,” saħaq Camilleri. “Il-festi huma kontributur kbir għall-ekonomija Maltija. Hemm bżonn nibżgħu għal din il-kultura u t-tradizzjoni li ilha għandna mijiet ta’ snin.”

‘Festival u jieħdu sehem biss kmamar tan-nar lokali’

Bis-sitwazzjoni kif inhi bħalissa, Camilleri saħaq li l-kmamar huma mgħobbija bin-nar. Għalhekk insista li jekk tingħata xi ftit ta’ għajnuna, hemm ċans li l-kmamar tan-nar u l-għaqdiet tal-festi jagħmlu ftit tal-qalb u jinħaraq ftit minn dan in-nar, bil-kmamar idaħħlu xi ħaġa tal-flus u jkunu jistgħu jkomplu joperaw.

Camilleri qed jipproponi li madwar Settembru jew Ottubru, dejjem jekk is-sitwazzjoni tal-pandemija tkun tippermetti, għandha tiġi organizzata attività, simili għall-festival internazzjonali tal-logħob tan-nar, iżda għall-kuntrarju tas-soltu, jieħdu sehem biss kmamar u għaqdiet tan-nar Maltin.

“Almenu jdaħħlu xi ħaġa huma din is-sena,” insista Camilleri.

‘Ix-xogħol mibni ridna nkompluh ... issa l-produzzjoni wieqfa’

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Camilleri għaliex il-kmamar tan-nar huma mimlija. Għaliex komplew jaħdmu meta saru jafu li s-sena li għaddiet il-festi mhux se jsiru?

Camilleri insista li meta bdiet il-pandemija f’Malta, f’Marzu tas-sena li għaddiet, tliet kwarti tax-xogħol kien lest.

“Ix-xogħol li jkun mibdi trid tkomplih. Ma tistax tħalli murtal miftuħ. Għalhekk kellna nkomplu naħdmu,” insista Camilleri. “Għalkemm inħaraq ftit nar matul is-sajf li għadda, ma kienx biżżejjed.”

Mistoqsi jekk nar maħżun huwiex perikluż, Camilleri qal li mhuwiex iżda saħaq li qatt ma għandek tirriskja.

“Bħalissa l-produzzjoni hija wieqfa għal kollox,” ikkonferma.

Minkejja dan mhux jibża’ li se jonqsu l-voluntiera, li  forsi issa jħossuhom komdi mingħajr irbit. “Il-kamra tan-nar dejjem tattira l-voluntiera. Anke meta mhux naħdmu. Il-piroteknika hija fil-qlub tal-Maltin,” insista.

‘Ħadd mhu se jaħraq għax flus ma hemmx

Tkellimna dwar is-sajf 2021 u l-fatt li l-festi esterni mhux se jsiru. Camilleri insista mal-ILLUM li filwaqt li jifhem li l-festi mhux possibbli li jsiru, madanakollu saħaq li kellha ssir konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti fil-festi, inkluż mal-pirotekniċi.

Mistoqsi jekk jistgħux jaħarqu xi nar, Camilleri qal li hu infurmat li jista’ jinħaraq xi nar, basta ma jsirux l-ispettakli li jiġbdu n-nies, bħal dawk ta’ lejlet il-festa u anke l-logħob tan-nar tal-art. Madanakollu, fil-ġimgħa tal-festa, jista’ jinħaraq xi nar fil-ħinijiet tas-soltu.

“Imma  ħadd mhu se jaħraq għax flus ma hemmx u ħadd mhu se jixtri n-nar,”  tenna Camilleri.

Spjega mal-ILLUM kif biex taħraq in-nar hemm ħafna spejjeż, bħalma huma l-permessi u l-assigurazzjoni. “F’ġimgħa malajr jitla’ xi kont ta’ €19,000,” kompla jispjega.

‘Għandhom ikunu koperti l-ispejjeż marbuta mal-Protezzjoni Ċivili’

Kien hawn li appella wkoll biex tibda tingħata għajnuna jew inkella jkunu koperti l-ispejjeż marbuta mal-preżenza tal-Protezzjoni Ċivili. Fakkar li kull meta jinħaraq in-nar, irid ikun hemm preżenti l-Protezzjoni Ċivili bil-vettura tat-tifi tan-nar.

Camilleri wera x-xewqa li din l-ispiża, li tista’ tammonta għal madwar €800 f’ġimgħa, tkun koperta, l-istess kif ġew koperti l-ispejjeż marbuta mal-iskorta biex in-nar ikun eskortat. 

Fil-fatt, dwar din l-iskorta, kien intlaħaq qbil bejn il-Gvern, l-Għaqda Każini tal-Banda u l-Għaqda Piroteknika Maltija, għat-tliet snin li ġejjin. L-ispejjeż, li jammontaw għal €100,000 kull sena, se jkunu mħallsa mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment. 

“Illum il-Protezzjoni Ċivili kibret. Hemm aktar ħaddiema u aktar vetturi tat-tifi tan-nar,” insista Camilleri u anke saħaq li l-preżenza tal-Protezzjoni Ċivili waqt il-ħruq tal-logħob tan-nar ma għandux jibqa’ jitqies bħala ‘overtime’ imma jkun parti mix-xogħol tal-Protezzjoni Ċivili. 

More in Politika