Tenishia jwieġeb b'petizzjoni quddiem il-Parlament biex l-industrija tad-divertiment tingħata direzzjoni

Joven Grech (Tenishia) qed jipproponi li l-industrija tad-divertiment tibda topera bil-mod, il-mod mill-1 ta' Lulju - bid-dħul f'attivtajiet miftuħin biss għal persuni vvaċċinati

Joven Grech - Tenishia
Joven Grech - Tenishia

"Ġimgħat biss qabel il-poplu kollu jkun ivvaċċinat b'suċċess huwa b'dispjaċir naraw illi aħna qed niċċaħdu mil-libertà li mmorru lura għax-xogħol u li naqilgħu l-ħobża ta' kuljum tagħna.  Għalhekk qed nappellaw biex l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika u l-Gvern jesploraw possibilitajiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-industrija tad-diveritiment." 

Hekk qed issostni petizzjoni li beda d-DJ ta' fama internazzjonali Joven Grech, liema petizzjoni issa fetaħ quddiem il-Parlament Malti. 

Fiha huwa qed jappella lid-Deputati biex issir diskussjoni sabiex din l-industrija tiftaħ bil-mod, il-mod mill-1 ta' Lulju.  Qed jipproponi wkoll punti dwar id-dħul f'avvenimenti, billi fost oħrajn ikunu aċċettati biss persuni li huma vvaċċinati. Grech qal illi b'hekk dan ikun qed jgħin ukoll f'dan il-proċess ta' għoti ta-vaċċin, li issa infetaħ ukoll għal dawk bejn 16 u 30 sena.

Huwa qed jgħid illi l-avvenimenti għandhom ikunu kkontrollati, bi dħul speċifiku u allura kontroll assolut fuq min dieħel u min ħiereġ, biex b'hekk ikun aċċertat li kull min dieħel f'dan l-avveniment huwa vvaċċinat. Id-Dj Malti ta' fama internazzjonali jfakkar li fl-Olanda, Spanja u r-Renju Unit diġà saru provi "fejn kien determinat li attivitajiet bħal dawn jistgħu jerġgħu jibdew mill-ġdid bil-mod, il-mod."

Huwa fakkar li hemm eluf ta' nies li jaħdmu f'dan is-settur u li jiddependu mis-settur għall-għixien tagħhom.  "Iktar minn sena mingħajr pagi, bi dħul imnaqqas, biex ma nsemmux il-problemi mentali serji tal-artisti u l-esperti awdjo-viżivi," qal Grech.  huwa temm jaċċerta li din il-petizzjoni m'għandhiex skopijiet u aġenda politika imma biss il-ħarsien ta' din l-industrija hekk importanti wkoll għall-poplu u għat-turiżmu.

More in Politika