24 proprjetà sa issa bbenefikaw mill-iskema Restawr ta’ Djar Battala

L-Awtorità tad-Djar toffri sa €25,000 lil sidien ta’ djar battala biex isir ir-restawr meħtieġ, bil-proprjetà tinkera mill-Awtorità lill-familji fil-bżonn bis-sid jirċievi kera maqbula

"Is-soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni adekwata għal familji fil-bżonn m’għandhomx jiddependu biss mill-bini ġdid. Ir-riġenerazzjoni u r-restawr kienu mezz ewlieni li għażel il-gvern biex isaħħaħ il-provvista tal-akkomodazzjoni."

Hekk saħaq il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt żjara f’dar f’Ħal Qormi, waħda minn 24 proprjetà li sa issa bbenefikaw mill-iskema Restawr ta’ Djar Battala. 

Permezz tal-iskema Restawr ta’ Djar Battala, l-Awtorità tad-Djar toffri sa €25,000 lil sidien ta’ djar battala biex isir ir-restawr meħtieġ.

L-istess proprjetà tinkera mill-Awtorità lill-familji li jikkwalifikaw għal akkomodazzjoni soċjali u s-sid tal-proprjetà jirċievi kera maqbula mingħand l-Awtorità tad-Djar għal 10 snin sħaħ. 

Il-Ministru qal li fil-qalba ta’ miżuri bħal dawn m’hemmx il-binjiet imma n-nies.

“Permezz tar-restawr qed nipprovdu dar adekwata lill-familji li jeħtieġu saqaf diċenti u noħolqu soluzzjonijiet ġodda għall-bżonn.”

“Din l-iskema biss sa issa fissret 24 soluzzjoni għall-familji li kienu jeħtieġu l-kenn tad-dar,” insista l-Ministru Roderick Galdes. 

Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay li semma kif problemi ta’ mobbiltà u sfidi ta’ saħħa mentali fost l-oħrajn, qed jibdlu l-ħajja tal-individwi u ta’ familji sħaħ mil-lejl għan-nhar. 

“Dan il-bżonn li jeżisti fostna u li jwassal lin-nies biex jirrikorru għand l-Awtorità tad-Djar għal alternattiva ta’ akkomodazzjoni, qed jiġi indirizzat b’diversi modi u mhux biss permezz tal-kostruzzjoni,” qal Leonid Mckay.

Huwa elenka għadd ta’ inizjattivi li ħadet l-Awtorità tad-Djar, f’assistenza fis-self għall-benefiċċju, bil-prijorità ewlenija tkun ir-riabilitazzjoni ta’ proprjetà mitluqa biex jiżdiedu s-soluzzjonijiet.

More in Politika