Destiny se tkanta fl-ewwel nofs tal-finali tas-Sibt

Matul il-konferenza, Destiny qalet li kienet qed tħossha kuntenta mmens li għaddiet għall-finali u li qed tħossha onorata li wasslet sa hawn

Nhar is-Sibt li ġej Destiny se tkun qed tkanta fl-ewwel nofs tal-finali tal-Eurovision Song Contest.

Waqt il-konferenza, ftit ħin wara li ntemm l-ewwel semifinali, ittellgħet il-polza, biex hekk sar magħruf li Destiny se tkun qed tkanta fl-ewwel nofs tal-finali.

Il-pożizzjoni eżatta li fiha Malta se tkun qed tkanta tingħad il-Ġimgħa wara li jkunu għaddew il-kanzunetti kollha għall-finali. 

Fil-fatt anke l-Ħamis, isir l-istess proċess biex ikun magħruf kull pajjiż li jgħaddi mit-tieni semifinali, jekk ikunx se jkanta fl-ewwel jew fit-tieni nofs tas-serata tas-Sibt.

Imbagħad f'idejn id-direzzjoni tal-Eurovision biex tagħżel l-ordni preċiża. Dan biex ikun hemm taħlita ta' stili differenti mqassma matul il-kompetizzjoni. B'kollox, is-Sibt, jieħdu sehem 26 pajjiż. 

Matul il-konferenza, Destiny qalet li kienet qed tħossha kuntenta mmens li għaddiet għall-finali u li qed tħossha onorata li wasslet sa hawn.

Mistoqsija dwar il-fatt li fl-aħħar jiem, diversi kienu dawk li bdew jgħidulha x'tagħmel u x'tilbes, Destiny qamet bilwieqfa u insistiet li l-kanzunetta tagħha għandha twassal messaġġ b'saħħtu ta' 'empowerment' għan-nisa u insistiet li din mhijiex biss l-istorja tagħha, imma l-istorja tan-nisa kollha.

Intant, wara l-prestazzjoni tagħha, Malta reġgħet bdiet tiela' minnufih fl-odds u issa tinsab viċin sew ta' Franza li għal dawn l-aħħar jiem kienet it-tieni favorita, wara l-Italja, biex tirbaħ il-Eurovision.

More in Politika