Il-hackers li serqu l-informazzjoni mill-PN jippubblikaw dettalji dwar 21,000 persuna

Il-PN qed jisħaq li l-informazzjoni misruqa hija ta' qabel l-2014

L-informazzjoni personali ta’ aktar minn 21,000 persuna spiċċat fuq dik imsejħa bħala ‘dark web’ mill-kriminali li ħħekkjaw u serqu informazzjoni sensittiva tal-Partit Nazzjonalista.

Din l-informazzjoni tinkludi l-ismijiet, l-indirizzi, in-numri tat-telephone, in-numri tal-karti tal-identità u informazzjoni oħra personali ta’ dik li tidher bħala database li fuqha hemm imniżżla t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista, kemm dawk preżenti u anke dawk li ma għadhomx.

Id-dokumenti kienu ppubblikati fuq is-sit tal-kriminali li serqu l-informazzjoni, iżda mhijiex aċċessibbli għal kulħadd. L-informazzjoni nsterqet f’Marzu li għadda.

Il-ħallelin heddew lill-Partit Nazzjonalista li lesti jippubblikaw informazzjoni “sensittiva” jekk ma jikkoperax u ma jikkomunikax magħhom.

Madanakollu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien qal li l-Partit mhux se jinnegozja magħhom. Il-hackers talbu lill-Partit Nazzjonalista €5,000.

Il-Partit Nazzjonalista kien ingħata 240 siegħa ċans biex iħallas il-flus. Dawn skadew fl-aħħar ġranet u l-hackers ippubblikaw tliet files, mhux kollha aċċessibbli.

Madanakollu jidher li l-hackers għandhom aċċess biss għal informazzjoni li tmur lura qabel l-2014.

Intant il-Pulizija qed tinvestiga l-każ u għaddejja inkjesta maġisterjali.

More in Politika