It-tobba kontra l-legalizzazzjoni tal-kannabis; Jitolbu biex il-white paper tkun irtirata

It-tobba jwissu wkoll kontra t-tkabbir tal-kannabis fid-djar u jisħqu li dan jkun qed jagħmel lid-droga aktar aċċessibbli għat-tfal

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, jiġifieri l-assoċjazzjoni li tirrapreżenta lit-tobba, talbet biex il-whitepaper dwar il-kannabis tkun irtirata. Fi stqarrija, it-tobba kkritikaw il-mod kif inhi miktuba u ppreżentata u saħqu li tressqet 'il quddiem mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-professjonisti mediċi u soċjali.

Fil-fatt, fil-pożizzjoni tagħha, il-MAM ħarġet kontra l-legalizzazzjoni tal-kannabis rikreattiva u wissiet biex Malta ma tispiċċax irreklamata bħala gżira għat-turiżmu tal-kannabis jew għall-kummerċjalizzazzjoni tal-kannabis rikreattiva.

It-tobba qalu li jaqblu mad-dekriminlizzazzjoni, jiġifieri li persuna ma tispiċċax il-ħabs jekk tinqabad b’pussess żgħir għall-użu personali, iżda saħqet li ma tista’ qatt taċċetta l-użu tal-kannabis għal raġunijiet mhux mediċi.

Fil-fatt, it-tobba qalu li l-infurzar tal-liġi għandu jkun immirat għal dawk li jissupplixxu l-kannabis, filwaqt li dawk li jinqabdu fil-pussess tal-kannabis għall-użu personali għandhom jingħataw l-appoġġ biex jegħlbu l-vizzju.

Il-MAM ħeġġet ukoll lill-pubbliku inġenerali biex ma jużax il-kannabis rikreattiva biex itaffi kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali u minflok ifittex u jitkellem mas-servizzi professjonali li joffru appoġġ lil kull min ikun għaddej minn kundizzjonijiet simili.

It-tobba saħqu li l-kannabis, bħal kull droga, iġġib diversi riperkussjonijiet kemm dawk marbuta mas-saħħa u anke dawk soċjali, għall-individwu u l-komunità li fiha jgħix.

“Il-MAM tappoġġja kampanja pubblika edukattiva biex turi li d-droga rikreattiva, bħal kull droga oħra, jista’ jkollha effetti serji. Dan huwa partikolarment relevanti għall-kannabis,” kompliet l-istqarrija.

Fejn jidħlu t-tfal, it-tobba qalu li l-kannabis għandha effetti sinifikanti fuqhom u appellat biex it-tfal ikun protetti. 

Kien hawn li t-tobba insistew li t-tkabbir tal-pjanti tal-kannabis fid-djar, se jkun qed jagħmel lil din id-droga aktar aċċessibbli għat-tfal.

More in Politika