Għaqdiet ta' żgħażagħ kattoliċi kontra l-legalizzazzjoni tal-kannabis

L-MCYN tgħid li l-White Paper ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn il-benefiċċji u l-perikli tal-kannabis rikreattiva u dik mediċinali "billi titkellem dwarhom daqslikieku l-benefiċċji u l-perikli huma ndaqs

Il-Malta Catholic Youth Network (MCYN), entità tal-Arċidjoċesi ta’ Malta li taħdem maż-żgħażagħ, ippubblikat dokument ta’ pożizzjoni bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Gvern għall-White Paper “Lejn it-Tisħiħ tal-Qafas Legali għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis”.  Fih l-MCYN tisħaq illi hija kontra l-użu ta' sustanzi li jagħmlu ħsara, "legali jew illegali." 

"Il-preokkupazzjoni primarja dwar din il-White Paper hi li tista’ twassal għan-normalizzazzjoni u l-popolarizzazzjoni tal-użu tal-kannabis fost l-adolexxenti u ż-żgħażagħ li jistgħu jiġu mqarrqa billi jemmnu li l-użu tal-kannabis m’għandux effetti ħżiena," saħqet l-istqarrija tal-MCYN, li tirrapreżenta 'l fuq minn 100 għaqda taż-żgħażagħ. 

L-MCYN tgħid li l-White Paper ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn il-benefiċċji u l-perikli tal-kannabis rikreattiva u dik mediċinali "billi titkellem dwarhom daqslikieku l-benefiċċji u l-perikli huma ndaqs."  L-MCYN tisħaq li r-riskji u l-benefiċċji ta’ din is-sustanza psikoattiva m'għandhomx jiġu ppreżentati fuq bażi ugwali.

Minn naħa l-oħra l-MCYN qalet li taqbel mad-dekriminalizzazzjoni fejn jidħol użu personali minn adulti biex dawk dipendenti mis-sustanza ma jingħatawx sentenza ta’ ħabs, "iżda l-opportunità li jfittxu l-għajnuna minn riskju ta’ vizzju."  Fl-istess ħin tisħaq dwar kampanja edukattiva li tgħallem il-miżuri preventivi li wieħed għandu jieħu biex jibqa’ ’l bogħod minn sustanzi bħall-kannabis. 

More in Politika