Aġġornata | Keith Schembri jinsab rikoverat fl-isptar minħabba 'kundizzjoni serja'

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih, fost persuni oħra, hekk kif qed ikun akkużat b'korruzzjoni, ħasil ta' flus, frodi, iffalsifikar ta' dokumenti u anke xhieda falza

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri ma deherx il-Qorti hekk kif qed jirċievi kura medika fl-isptar Mater Dei minħabba 'kundizzjoni serja.'

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih, fost persuni oħra, hekk kif qed ikun akkużat b'korruzzjoni, ħasil ta' flus, frodi, iffalsifikar ta' dokumenti u anke xhieda falza. Miegħu qed ikunu akkużati wkoll missieru Alfio Schembri, Malcomn Scerri u l-kontrollatur finanzjarju Robert Zammit.

Huma parti minn grupp ta' 11-il persuna li tressqu l-Qorti f'Marzu li għadda, akkużati bl-istess reati. Fosthom hemm ukoll eks editur maniġerjali tal-Allied Newspapers, il-kumpanija li tistampa t-Times of Malta.

Kien l-Avukat ta' Keith Schembri li informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu jinsab rikoverat l-isptar u li qed jirċievi kura medika. Informa wkoll lill-Qorti li Schembri lanqas għada mhu se jkun jista' jattendi. Talab ukoll li Alfio Schembri jkun eżenti milli jattendi s-smigħ biex ikun jista' jakkumpanja lil ibnu Keith. Il-Qorti laqgħet din it-talba.

Lura fl-2016, Schembri kien ingħata l-kura fl-Istat Uniti minħabba kanċer rari f'għajnejh. Kienet Daphne Caruana Galizia li żvelat dan u saħansitra kienet qalet li ma tantx fadallu ħajja.

Meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant, Schembri kien qal li kien iddispjaċih ħafna meta qara dak il-blogg u spjega kif bintu, ta' 13-il sena, kienet marret tistaqsih jekk hux se jmut.

Aktar tard kien irriżulta li Yorgen Fenech kien ħallas parti mill-kura li kien irċieva Schembri f'May Clinic f'Minnesota u li saħansitra kien akkumpanjah.

More in Politika