Titnieda kampanja biex tħajjar aktar nies jidħlu jaħdmu fl-industrija tal-films

'Il-viżjoni tagħna hija li minn industrija staġjonali s-settur tal-films jinbidel f’opportunita ta’ karrieri permanenti'  - Il-Ministru Clayton Bartolo

Wieħed mill-billboards li qed jitpoġġew madwar il-pajjiż
Wieħed mill-billboards li qed jitpoġġew madwar il-pajjiż

Ilbieraħ tnediet il-kampanja bl-isem:  ‘Industrija tal-Films Sostenibbli' illi permezz tagħha, fost affarijiet oħrajn, qed jiġi imfakkar s-suċċess tal-crew Malti u Għawdxi filwaqt li tħajjar aktar nies jidżlu jaħdmu f'din l-industrija.

“Illum qed niċċelebraw l-ħidma, l-bżulija tan-nies tagħna, li jaħdmu fl-industrija tal-films f’pajjiżna.  Kienu l-crew tagħna li żammew l-industrija tal-films f’Pajjiżna għaddejja minn ġenerazzjoni għal-oħra.” qal il-Kummisarju tal-Films Johann Grech.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo saħaq fuq l-importanza li din l-industrija tkun waħda sostennibli. Huwa semma kif l-industrija tagħti kontribut b’saħħtu lill-ekonomija lokali, u għalhekk il-viżjoni tal-Gvern hija li jkompli jsaħħaħ din l-industrija, kemm b’investiment fl-infrastruttra tal-faċilitajiet li toffri Malta, kif ukoll bil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għal kulħadd, mhux biss għal ftit.

“Il-viżjoni tagħna hija li minn industrija staġjonali s-settur tal-films jinbidel f’opportunita ta’ karrieri permanenti għal ġenerazzjoni ta’ issa u dik li ġejja. Irridu naraw li t-tfal tagħna ma jarawx il-films biss fuq it-televiżjoni imma jkunu parteċipi f’industrija li kull ma jmur dejjem qegħda tikber u issir reżiljenti.” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

Il-kampanja ‘Industrija tal-Films Sostenibbli’, bil-messaġġ ewlieni ‘kun parti mis-success, qed iżżid l-għarfien tal-industrija lokali tal-films, bl-għan li tħajjar aktar nies jidħlu jaħdmu f’din l-industrija biex b’hekk flimkien noħolqu industrija sostenibbli fejn kulħadd igawdi minnha. 

“L-ambizzjoni tagħna hija li noħolqu karrieri. U m’aħniex ser nieqfu noħolmu li noħolqu ‘a world-class film industry’ f’Malta” sostna l-Kummissarju tal-Films Johann Grech.

Ara aktar f'intervista li l-gazzetta ILLUM kellha mal-istess Johann Grech illi fiha kien ħabbar kif fl-ewwel xaharejn biss tal-2021 l-industrija tal-films ħalliet €300,000 kuljum fl-ekonomija.

More in Politika