L-Air Malta se ttir lejn 20 destinazzjoni matul ix-xhur li ġejjin

Il-linja nazzjonali tal-ajru se topera aktar minn 3,000 titjira u tilqa’ aktar minn nofs miljun passiġġier bejn Mejju u Ottubru

Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, nediet l-iskema tat-titjiriet tagħha għas-sajf, fejn se tkun qed topera titjiriet lejn 20 destinazzjoni. Minn Mejju sa Ottubru, l-Air Malta qed tippjana li topera aktar minn 3,000 titjira u tilqa’ aktar minn nofs miljun passiġġier. 

Fl-iskeda tas-sajf, l-Air Malta se tkun qed topera titjiriet diretti lejn/minn Amsterdam, Brussell, Katanja, Frankfurt, Ġinevra, Lisbona, Londra Heathrow, Lyon, Manchester, Munich, Milan Linate, Moska, Palermo, Pariġi Charles de Gaulle, Pariġi Orly, Praga, Ruma, Tel Aviv, Vjenna u Zurich.

Fil-każ ta’ Moska u Tel Aviv, it-titjiriet se jkunu jiddependu mill-ftuħ ta’ kurituri siguri.

Fost oħrajn, l-Air Malta se tkun qed topera:

  • Sa 10 servizzi fil-ġimgħa lejn Londra Heathrow
  • Servizzi ta’ darbtejn fil-ġimgħa lejn Manchester
  • Sa 11-il servizz fil-ġimgħa lejn l-ajruporti Charles de Gaulle u Orly f’Pariġi. 
  • Sa disa' servizzi fil-ġimgħa lejn Katanja. 
  • Ruma, Munich, u Vjenna kollha se jkollhom sa ħames servizzi fil-ġimgħa. 

“Is-saħħa u s-sikurezza tal-klijenti u tal-ekwipaġġ tagħna jibqgħu l-ogħla prijorità tagħna u se nkomplu nirrispettaw ir-rekwiżiti kollha tas- saħħa u tas-sikurezza tal-pajjiżi li noperaw minnhom u lejhom,” saħaq ic-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta, David G. Curmi.

More in Politika