Ikkanċellati l-ħlasijiet u l-liċenzji dovuti lill-MTA sa Diċembru

Ħabbar dan il-Ministru Clayton Bartolo, li rrimarka illi 10,000 negozju se jibbenefikaw minn din il-miżura

Kmieni illum ġie mħabbar li se jiġu kkanċellati l-ħlasijiet u l-liċenzji dovuti lill-MTA sa' Diċembru. Dan ifisser li l-perjodu bejn Jannar u Diċembru ta' din is-sena jkun kopert. 

Ħabbar dan il-Ministru Clayton Bartolo, li rrimarka illi b'din l-inizjattiva 10,000 negozju se jżommu iktar minn €4 miljun fi bwiethom.

Fl-okkażjoni ta' Jum il-Ħaddiem, nhar is-Sibt li ġej, Bartolo xtaq ukoll ifakkar li dan il-Gvern qiegħed jaħdem id f'id mal-ħaddiema. Bartolo fakkar li l-Gvern dejjem poġġa lill-ħaddiem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu u dawn l-iskemi huma prova ta' dan.

 

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta' Għawdex turi sodisfazzjon

Intant min-naħa tagħha, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta' Għawdex għal darb’oħra uriet s-sodisfazzjon tagħha għall-appoġġ li il-Gvern qiegħed jestendi għas-settur tat-turiżmu. Il-GTA appellat ukoll lil awtoritajiet oħra kif ukoll entitajiet tal-gvern biex "jieħdu dan l-eżempju u jneħħu l-liċenzji u t-tariffi operattivi pagabbli lilhom minn operaturi liċenzjati għat-turiżmu."

More in Politika