Malta fost il-pajjiżi tal-UE li rrapportaw l-akbar defiċits fl-2020

Fl-aħħar jiem il-Minstru Clyde Caruana kien saħaq li l-pandemija qed tiswa lill-pajjiż ħames miljun ewro kuljum iżda l-Gvern mhu qed jippjana l-ebda żieda fit-taxxi

Malta kienet fost il-pajjiżi li rrapportaw l-akbar defiċits fl-2020 meta kienu qed jissieltu mal-effetti li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19.

Skont il-Eurostat, id-defiċit tal-gvernijiet, kemm dawk tal-pajjiżi fiż-żona ewro u anke dawk tal-Unjoni Ewropea, żdiedu sostanzjalment meta wieħed iqabbel dan mal-2019.

Fil-fatt, l-Istati Membri kollha rrapportaw defiċit. L-akbar defiċit kien irreġistrat fi Spanja (-11.0%), f’Malta (-10.1%), fil-Greċja (-9.7%), fl-Italja (-9.5%) u fil-Belġju (-9.4%).

L-Istati Membri kollha, ħlief id-Danimarka, irrapportaw defiċits li jammontaw għal aktar minn 3% tal-Prodott Domestiku Gross.

Minkejja dan, Malta ma kinitx mal-pajjiżi li rraportaw l-akbar ammont ta’ dejn. B’kollox kien hemm erbatax-il pajjiż membru tal-UE, li rreġistraw dejn li jaqbeż is-60% tal-GDP, bl-akbar djun ikunu rreġistrati fil-Greċja (205.6%), fl-Italja (115.8%) u fil-Portugal (133.6%).

Fiż-żona ewro, id-defiċit totali żdied minn 0.6% fl-2019 għal 7.2% fl-2020, filwaqt li fl-Unjoni Ewropea dan żdied minn 0.5% għal 6.9%. 

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana spjega kif il-pandemija qed tiswa lill-kaxxa ta’ Malta ħames miljun ewro kuljum.

Qal ukoll kif minkejja li d-defiċit qed jiżdied, il-Gvern mhux qed jippjana li jżid it-taxxi, waqt li spjega li l-finanzi pubbliċi xorta waħda għadhom sostenibbli.

More in Politika