Il-Kunsillier tal-PN f'Birżebbuġa joġġezzjona għall-applikazzjoni biex lukanda togħla għal disa' sulari

Stanley Zammit jgħid illi jekk aċċettata din l-applikazzjoni tkun tfisser illi l-Bajja s-Sabiħa u t-toroq tal-madwar jitlfu il-karatteristiċi tagħhom

Stanley Zammit, il-Kunsillier tal-PN f'Birżebbuġa
Stanley Zammit, il-Kunsillier tal-PN f'Birżebbuġa

Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f'Birżebbuġa Stanley Zammit kien fost l-għexieren ta' nies li fl-aħħar sigħat oġġezzjonaw għall-iżvilupp ta' lukanda f'Birżebbuġa, fuq is-sit tal-eks lukanda Seabreeze.  Zammit fakkar li l-iżviluppatur diġà ingħata żewġ sulari addizzjonali, mal-ħamsa permessi fiż-żona, u qal illi għalkemm iż-żona mhix f'Urban Conservation Area, ta' maġenbha hija żona urbana protetta, u allura insista li "għandu jiġi rispettat il-madwar, permezz tas-Scheduled Building Setting." 

Fl-aħħar sigħat l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet 90 oġġezzjoni ġdida għall-proposta biex din il-lukanda togħla b'żewġ sulari għal total ta' disa' sulari, biex issa t-total ta' oġġezzjonijiet tela' għal 130.

"Dan l-iżvilupp huwa mdawwar b’residenzi li wħud minnhom investew f’panelli fotovoltajiċi u solar water heaters.  F’din iz-zona diġà hemm problema kbira ta’ parkeġġ u traffiku," sostna Zammit f'messaġġ li tella' fuq Facebook.

Huwa temm jgħid li jekk jingħata dan il-permess ix-xatt tal-Bajja s-Sabiħa u t-toroq tal-madwar "ser jitlfu il-karatteristiċi tagħhom b’dan l-iżvilupp addizzjonali.  Anke jekk huwa tajjeb għal Birżebbuġa li jkun hawn lukandi li jaġevolaw lill-lokalità ekonomikament u bħala lokalita’ turistika, ma nistax ma nitħassibx u ma nressaqx dawn l-oġġezzjonijiet."

More in Politika