Jitħabbar l-ewwel fażi tal-proġett ta' tisbiħ tal-promenade tax-Xemxija b'investiment ta' €300,000

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo jgħid illi fil-jiem li ġejjin se jitħabbru kif se jinqasmu l-€20 miljun f'għajnuna lil operaturi turistiċi 

Ritratt ta' Edwin Catania
Ritratt ta' Edwin Catania

Waqt konferenza li saret dalgħodu fix-Xatt tax-Xemxija Il-Ministru Clayton Bartolo ħabbar investiment ta' €300,000 għat-tisbiħ taż-żona, wara snin. "B'hekk se nkunu ħabbarna b'kollox €1 miljun f'investiment fil-lokalitajiet ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u x-Xemxija," qal Bartolo.  

Huwa qal illi l-ewwel parti tal-proġett fix-Xemxija se jkun jikkonsisti f'bankijiet ġodda, titjib fil-pavimentar, tisbiħ ħadrani permezz ta' siġar u tibdiliet oħrajn.  Il-Ministru Bartolo qal illi wara dan hemm pjanijiet aktar estensivi għax-xatt tax-Xemxija, liema pjanijiet se jitħabbru aktar tard. 

Il-Ministru għat-Turiżmu fakkar li l-ġimgħa l-oħra ħabbar pjan ta' rkupru u fil-jiem li ġejjin se jkun qed iħabbar kif se jinqasmu l-€20 miljun li tħabbru f'dan il-pjan u li se jingħataw bħala għajnuna lill-operaturi. 

Dwar l-istaġun tas-sajf u l-pjan tal-Gvern li jerġa' jiftaħ il-bibien għat-turisti fl-1 ta' Ġunju, Bartolo sostna li huwa importanti illi filwaqt li l-Gvern ikompli bit-titjib tal-prodott, kulħadd jibqa' ffukat "ħalli noħorġu aktar b'saħħitna milli konna qabel."

More in Politika