Il-Pulizija titlob informazzjoni mill-mowbajl tal-eks Kummissarju Cutajar

Dan ħareġ illum fil-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat bħala l-mandant tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Is-sena li għaddiet, investigaturi tal-Pulizija talbu li tinġabar informazzjoni mill-mowbajl tal-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar.

Dan ħareġ illum fil-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat bħala l-mandant tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Cutajar qed ikun investigat mill-Pulizija minħabba kommunikazzjoni li kellu ma’ Edwin Brincat, magħruf bħala ‘Il-Ġojja,’ li huwa ħabib ta’ Melvin Teuma, l-intermedjarju tal-assassinju.

F’seduti li għaddew, irriżulta li x’aktarx kien Brincat li kkonvinċa lil Teuma biex jibda jirrekordja l-konverżazzjonijiet li jkollu ma’ Yorgen Fenech.

L-aħħar żewġ xhieda fis-seduta tal-lum kienu żewġ rappreżentanti minn Epic u Melita li xehdu kif irċevew talbiet għal informazzjoni mill-mowbajls ta’ Cutajar u Brincat.

L-informazzjoni ntalbet mis-Supretendent Keith Arnaud.

Intant, tul il-kumpilazzjoni, aktar persuni u uffiċjali li kienu fuq il-post ftit wara li splodiet il-karozza tal-ġurnalista, xehdu dwar ix-xena makabra li sabu quddiemhom malli waslu l-Bidnija.

More in Politika