Sondaġġ | Il-varjant li (għalissa) qatel il-prospetti tas-safar għall-2021

Sondaġġ xjentifiku juri kif il-varjant tal-Covid-19 u n-numri għoljin tal-aħħar xhur waslu biex ħafna qatgħu qalbhom li jsiefru matul din is-sena, għalkemm l-aktar predisposti baqgħu ż-żgħażagħ

Jekk il-pandemija tat daqqa lil mod kif ngħixu żgur li l-aktar li kien affetwat huwa s-safar - xi ħaġa li llum m'għadux lussu għal eluf ta individwi u familji li jfittxu illi jaħarbu għall-ftit biex jirrilassaw, jaqtgħu mir-rutina u jesperjenzaw pajjiżi u kulturi differenti.  Minkejja dan l-industrija bħalissa madwar id-dinja hija prattikament wieqfa, hekk kif miljuni ta' nies - minkejja li jixtiequ jsiefru - jew qed jibżgħu minħabba l-Covid-19, jew qed jistennew li jieħdu l-vaċċin jew inkella tant raw id-dħul tagħhom jonqos li bħalissa ma jifilħux jonfqu flus għal safar. 

Sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM magħmul mill-kumpanija POLAR  juri illi sa issa  - f'nofs l-eqqel tal-pandemija, bi kważi lockdown, il-maġġoranza l-kbira tal-poplu ma tantx għandu moħħ safar u lanqas qed jippjana għal waħda.  Din hija xhieda probabbilment tal-burdata preżenti u tal-perċezzjoni illi din is-sena mhux se tkun aħjar minn dik li għaddiet u xhieda wkoll tal-inċertezza qawwija li qed taħkem il-qasam tax-xogħol.  Il-fatt li l-ekonomija Maltija bħalissa tinsab kważi ġġammjata, bil-konsegwenza li eluf kbar ta' ħaddiema qed jaqilgħu ferm inqas flus jekk mhux saħansitra tilfu xogħolhom, ifisser li għal ħafna bħalissa vaganza tfisser lussu. 

Mistoqsijin jekk hux qed jippjanaw safra fl-2021, maġġoranza qawwija ta' 90.3% wieġbu fin-negattiv.  Minkejja dan u minkejja s-sitwazzjoni preżenti, 8.3% tal-popolazzjoni xorta hija determinata illi tmur fuq vaganza din is-sena.  Dan filwaqt li 1.3% għadhom ma jafux.

Iż-żgħażagħ u dawk b'edukazzjoni terzjarja l-aktar li beħsiebhom isiefru, sa issa

Kif mistenni u kif issa ilu jingħad, l-aktar li għandhom ħeġġa biex isiefru huma ż-żgħażagħ, mhux biss f'Malta imma madwar id-dinja.  Minkejja li xorta maġġoranza mhumiex jippjanaw safra, kważi 17% (16.8%) ta' dawk bejn is-16 u l-35 sena wieġbu fil-pożittiv, filwaqt li 2.6% ta' dan is-settur tal-poplu għadu mhux ċert.  Il-bqija, jew 80.6%, mhumiex jippjanaw safra għall-2021.  Warajhom eżatt jiġu dawk bejn is-36 u 50 sena, fejn 9% qalu li qed jippjanaw safra għal din is-sena. 

F'termini ta' livell edukattiv, huma dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja li l-aktar illi qed jippjanaw safra, b'16.6%. L-irġiel (11.1%) għandhom pjanijiet għal safar, iktar minn nisa (5.6%), filwaqt li huma dawk li jgħixu fin-naħa ta' isfel tal-port - li jinkludi l-Kottonera, Ħaż Żabbar, il-Fgura, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien - l-aktar li qed juru intenzjoni li jsiefru b'13.2%. 

Naturalment dawn iċ-ċifri għadhom żgħar ħafna, ikkumparat ma' kemm isiefru Maltin normalment.  Fl-2019, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), kienu b'kollox 706,797 persuna li ħarġu mill-pajjiż fuq vaganza, li jinkludi residenti f'Malta - inkluż barranin.

Minkejja dan, iktar kemm jipprogressa l-proċess ta' vaċċinazzjoni, iktar wieħed jistenna li n-numri ta' nies li jsiefru jiżdiedu xi ftit. 

L-anzjani u dawk b'livell edukattiv primarju, l-aktar li mhux se jsiefru

Intant kif kien mistenni wkoll l-aktar li mhumiex beħsiebhom isiefru huma l-anzjani.  Skont iċ-ċifri tal-NSO għas-sena 2019 jidher ċar illi l-anzjani huma normalment l-inqas li jsiefru.  Aktar minn hekk iżda l-pandemija fissret li dawk 'il fuq minn 65 sena huma meqjusin bħala persuni vulnerabbli u allura ħafna minnhom lanqas joħorġu jew jiltaqgħu mat-tfal ma jistgħu, aħseb u ara kemm se jsiefru!

Fil-fatt dan is-sondaġġ xjentifiku juri illi 97.6% ta dawk 'l fuq minn 65 sena ma għandhom ebda ħsieb li jsiefru, filwaqt li huma biss 0.7% - li jaqa' fil-marġini ta' żball tas-sondaġġ - ta' persuni ta' din l-età li qed jikkunsidraw safra.  Dawn huma segwiti minn dawk ta' bejn il-51 u l-65 sena b'94%.  

L-inqas li għandhom pjanijiet għal safar huma dawk b'edukazzjoni primarja (96.6%) u dawk li jgħixu fit-tramuntana tal-pajjiż (92.1%) li jinkludu l-lokalitajiet ta' San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, Naxxar u l-Mosta. 

U kif jitqabblu dawn in-numri ma' Diċembru?

F'Diċembru li għadda l-gazzetta ILLUM ukoll ippubblikat sondaġġ dwar is-safar illi fih staqsiet lill-parteċipanti jekk humiex qed jippjanaw safra għall-2021.  Tajjeb wieħed jinnota illi f'Diċembru l-pajjiż kien għadu kif beda jisma' dwar il-varjant tal-Covid-19 u kien ukoll iż-żmien fejn konna qed nistennew il-wasla tal-ewwel vaċċin.  Minn Diċembru il-pajjiż esperjenza għexieren ta' mwiet u anke rekords ta' każi. 

Naturalment dan ħalla l-effett tiegħu. Filwaqt li llum huma 16.8% ta' dawk bejn is-16 u l-35 sena li qed jgħidu li se jsiefru, f'Diċembru kienu 48.5% ta' dawk bejn it-18 u l-35 sena li kienu qed jippjanaw safra għall-2021. 

Maġġoranza relattiva, jew 46.3%, ta' dawk bejn is-36 u l-50 sena wkoll kienu qalu illi għandhom pjanijiet għal safar din is-sena, f'Diċembru, imma llum huma biss 9% li qed jgħidu li se jsiefru.

Fil-każ ta' dawk ta' aktar minn 65 sena, f'Diċembru kienu 78% li qalu m'għandhomx pjanijiet li jsiefru, li issa telgħu għal 97.6%.

More in Politika