Filmat | Attivisti, residenti u bdiewa jwaqqfu xogħlijiet ta' Infrastructure Malta f'Ħad-Dingli

Moviment Graffitti qed jakkuża lil aġenzija li qed tibni triq f’ODZ, fuq raba’ maħdum biswit fadlijiet ta' binja medjevali

Attivisti, residenti u bdiewa dalgħodu marru jwaqqfu x-xogħlijiet ta' Infrastructure Malta f'Ħad-Dingli.

Dan hekk kif Infrastructure Malta kompliet tibni triq f’ODZ, fuq raba’ maħdum, bir-residenti jisħqu li l-permessi ma jeżistux.

Skont Moviment Graffitti, din it-triq se tkun qed teqred ukoll siġar tal-ħarrub li għandhom ‘il fuq minn 300 sena u anke se tipperikola knisja medjevali.

Dawn ix-xogħlijiet kienu bdew iżda kellhom jieqfu ħesrem f'Ottubru tal-2020 meta kienu pprotestaw ir-residenti u anke l-Moviment Graffitti. Ix-xogħlijiet se jkunu qed jgħaqqdu Triq id-Daħla tas-Sienja, Triq San Ġwann Bosco u Sqaq il-MUSEUM, f’Ħad-Dingli.

L-attivisti u r-residenti qed jisħqu li l-uniku raġuni li qed jingħataw minn Infrastructure Malta, għal bini ta' din it-triq, hija biex tkun tista' tgħaddi vettura tat-tifi tan-nar. Huma qed jisħqu li l-uniku raġuni għaliex qed isiru dawn ix-xogħlijiet huwa biex ikunu jista' jitla' aktar bini.

"F’dawn l-aħħar xhur, Infrastructure Malta kellha taħditiet mal-Awtorità tal-Ippjanar, mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fejn ġew eżaminati l-pjanijiet u l-metodi ta’ kostruzzjoni għal din it-triq biex ikun żgurat li dawn jitwettqu bl-inqas impatti mhux mixtieqa possibbli fuq l-ambjent tal-inħawi. Kompliet ukoll b’taħditiet mas-sidien t’artijiet li hemm biswit din it-triq ġdida biex jiddiskutu u jikkonkludu t-termini t’esproprjazzjoni applikabbli," qalet l-Aġenzija fi stqarrija.

Qalet ukoll li l-ġimgħa li għaddiet it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar irrifjuta l-appell li sar minn organizzazzjoni lokali kontra l-permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għat-tneħħija ta’ tliet siġriet li hemm fis-sit tat-triq il-ġdida.

"Barra minn hekk, ikkonfermat mill-ġdid l-approvazzjoni tagħha biex jitneħħew dawn it-tliet siġriet, filwaqt li spjegat li Infrastructure Malta ntalbet tħawwel 30 siġra ġdida bħala kumpens adegwat skont ir-regolamenti applikabbli. F’sottomissjoni separata, wara spezzjoni li għamlu fis-sit, l-uffiċjali tal-infurzar u l-protezzjoni tal-ambjent ta’ din l-Awtorità ċaħdu allegazzjonijiet li saru minn terzi li Infrastructure Malta kienet qalgħet xi siġar illegalment meta bdew ix-xogħlijiet f’Ottubru," kompliet l-Aġenzija.

Infrastructure Malta qalet ukoll li bħalma tagħmel fix-xogħlijiet kollha li jsiru qrib fdalijiet arkeoloġiċi, Infrastructure Malta qed tikkonsulta lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex tiżgura li x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru ma jkollhomx impatti mhux mixtieqa fuq il-binja antika abbandunata li nbniet sekli iluu li hi maħsuba li hija fdalijiet ta’ kappella medjevali.

"Il-bini tat-triq ma jirrikjedi l-ebda twaqqigħ jew xi tibdil ieħor lil dawn il-fdalijiet storiċi u għalhekk mhux ser jintmessu. Arkeologu approvat mis-Sovrintendenza se jkun qed isegwi x-xogħlijiet kollha ħdejn din l-istruttura storika, biex jiżgura li tkun protetta b’mod adegwa," qalet l-istqarrija.

More in Politika