Il-Belvedere tax-xatt, masġar u aċċessibilità - Investiment ta' €700,000 f'San Pawl il-Baħar

Minn tibdil tal-belvedere, masġar, tisbiħ u aktar aċċessibilità - ħa,mes proġetti f'San Pawl il-Baħar

Il-Ministru Bartolo jindirizza l-Konferenza tal-Aħbarijiet f'San Pawl il-Baħar
Il-Ministru Bartolo jindirizza l-Konferenza tal-Aħbarijiet f'San Pawl il-Baħar

Fix-xhur li ġejjin f’San Pawl il-Baħar se jinbeda xogħol mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fuq ħames proġetti infrastrutturali.  Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo li qal illi dawn il-proġetti jinkludu xogħlijiet b’investiment ta’ €300,000 fuq il-Belvedere fi Triq San Franġisk li se jibdel wiċċ ix-xatt li jkompli fi Triq San Ġilardu u jwassal sal-Kappella tal-Ħġejjeġ.

It-tieni proġett se jsir fiż-żona ta’ bejn Triq San Publiju u Triq San Franġisk, b’investiment li jlaħħaq il-€50,000. Il-proġett jinkludi masġar ġdid li se jħaddar din iż-żona.

It-tielet proġett, b’investiment ta’ €130,000, se jtejjeb u jsebbaħ pajsaġġ degradat fiż-żona ta’ bejn Triq il-Knisja u Triq San Ġilardu.

Proġett ieħor se jsir b’investiment ta’ €120,000 li se jindirizza n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà f’din iż-żona permezz ta’ pajsaġġ ġdid. Dan il-proġett se jtejjeb l-esperjenza turistika li joffru s-salini f’din iż-żona.

Finalment, fl-inħawi ta’ Triq il-Luzzu, se jsiru turġien li se jtejbu l-faċilitajiet ta’ din iż-żona magħrufa għall-ispazju ta’ rilassament fix-xhur sajfin. Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ €100,000.

"Dan huwa gvern għan-nies li ma jaħsibx biss fil-ġenerazzjoni tal-preżent iżda anke tal-futur. L-impenn tagħna f’din iż-żona huwa li nagħmlu proġetti ppjanati sal-inqas dettall li mhux biss itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti iżda jtejbu wkoll l-esperjenza turistika. Nemmen bi sħiħ li permezz ta’ dawn il-proġetti se nkunu qed inkomplu nagħmlu minn San Pawl il-Baħar lokalità mfittxija dejjem aktar mit-turisti”, ikkonkluda l-Ministru Bartolo.

Preżenti kien hemm ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u tas-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima. 

More in Politika