Intervista | Trabba fiż-Żurrieq u popolari fil-Ġappun … Niltaqgħu ma’ Wayne Pace

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ wieħed mill-iġganti tal-Wrestling f’Malta. Minn fejn ġie l-isem Gianni Valletta? Għaliex Pro-Wrestling mhux ikkunsidrat bħala sport f’għajn Sport Malta? X’għandha x’taqsam l-Awtorità Ġappuniża għat-Turiżmu u il-Pro-Wrestling? Iwieġeb ir-wrestler professjonali Wayne Pace mall-ILLUM

Fil-kwiet u l-ħemda tal-għelieqi fiż-Żurrieq issib remissa li minflok hi armata b’xi mgħażqa, zappun jew xi mutur tal-ħart, minflok hemm ring tar-wrestling. Dan il-garaxx iservi bħala kenn għal-istudenti tar-Wrestling professjonali biex jagħmlu it-taħriġ tagħhom.  

Il-fanatiċi tal-Wrestling Professjonali żgur jiftakru l-istazzjonijiet Taljani jxandru il-programmi ta’ WWE. Probabbli jiftakru ukoll il-fażi fil-bidu tal-2000 fejn bosta kienu jintefgħu quddiem is-sett tat-televiżjoni jsegwu wrestlers famużi bħal Eddie Guerrero, Rey Mysterio, John Cena u Randy Orton.  Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Wayne Pace magħruf fid-dinja tar-Wrestling bħala Gianni Valletta dwar l-esperjenzi tiegħu u fuq kollox dwar xi trid tagħmel jekk inti ukoll trid isir wrestler.

‘Wara l-quddies kont nintefa man-nannu narawh flimkien’

B’tbissima mimlija nostalġija, Wayne Pace beda’ jirrakkonta kif bdiet il-ħajra għal dan l-isport daqshekk partikolari. “Ta’ tmien snin niftakarni narah fuq it-televiżjoni. Kienu jagħmluh kull nhar ta’ Ħadd fuq it-Taljan. Wara l-quddies kont nintefa’ man-nannu, naraw ir-wrestling flimkien”, qal Pace. 

Kompla jgħid li għal-ewwel beda’ sempliċiment jogħġbu iżda biż-żmien sar iffissat, u minn fanatiku spiċċa student. Fil-bidu tat-tfulija tiegħu, meta wrestling kien biss ossessjoni, Pace kien ifissa fuq l-Undertaker. “L-immaġini makabra u l-preżenza qawwija tiegħu fir-wrestling dejjem ġibdtini imma meta sirt student bdejt nieħu nota ta’ wrestlers tekniċi bħal Chris Benoit.”

‘Malli ħareġ rema’ l-pakkett tas-sigaretti għax kellu jagħżel bejn sigarett u wrestling’

Il-ġuvni li ilu jippratika dan l-isport mill-2010 jgħid li l-ewwel beda billi għamel riċerka fuq postijiet li joffru taħriġ fir-wrestling. Għalkemm fil-bidu tas-sena 2000 ir-wrestling f’Malta kiseb popolarita’ kbira, il-ġuvni mal-ewwel induna li f’Malta ma’ tantx għandu wisq ċans li jirnexxi. Dak iż-żmien, fl-età ta’ 20 sena qatagħha li jmur jagħmel prova l-Ingilterra. “L-akkademja laqtitni l-iktar għax fuq il-websajt kitbu li kellhom kuntatti ma’ stillel famużi ta’ WWE bħal Hardcore Holly u Billy Gun”, stqarr Wayne Pace.

Madankollu hu ametta li wara li mar jagħmel il-prova, ħareġ kważi mejjet. Irrakonta kif ħareġ bla nifs, imma x-xogħol kien ogħġbu. Dak iż-żmien hu kien ipejjep u malli ħareġ rema’ l-pakkett tas-sigaretti għax kellu jagħżel bejn is-sigarett u r-wrestling. Meta rritorna Malta, tant kemm għamilha fatta li jrid jerġa jmur lura l-Ingilterra li għamel tlett xhur jaħdem kemm jiflah, “ma kelli xejn imġemma u ħdimt kemm flaħt biex nerġa mmur lura.”

‘Fil-ħin it-tajjeb u fil-post it-tajjeb’

Ir-wrestler li dar id-dinja biex jieħu sehem f’numru ta’ kampjonati fosthom f’Franza, l-Ingilterra u fil-Ġappun qal li “dan l-isport jirrikjedi ammont sostanzjali ta’ taħriġ u dedikazzjoni.” Iżda l-gazzetta ILLUM ma setgħatx ma tistaqsix kif sab ruħu f’dawn il-postijiet kollha. 

“Jien dejjem ngħid, u din mhux fir-wrestling biss, trid tkun hemm fil-ħin it-tajjeb u fil-post it-tajjeb”, stqarr Pace. Hu għamel erba’ snin jgħix f’Portsmouth fl-Ingilterra, u qal li kien bis-saħħa tal-akkademja fejn illi beda jagħmel il-kuntatti tant li “l-coach jibda jibgħatek f’diversi pajjiżi fuq diversi esperjenzi.”

Iżda hu jħoss li l-ikbar impatt ħassu meta fetaħ l-akkademja Pro Wrestling Malta (PWM). “Il-kunttati donnhom bdew ikunu iktar frekwenti. Il-kunttati li kelli qabel riedu jiġu Malta għall-avvenimenti li bdejna norganizzaw u nies ġodda li saru jafu bina fetħulna bibien ta’ opportunitajiet, mhux għalija biss imma anke ghall-istudenti”

‘Opportunità lil dawk li ma jaffordjawx jew m’għandhomx kuraġġ’

“Kien hemm xi nies li kienu iffisati bħali u staqsewni x’għamilt. Mal-ewwel innutajt bix-xewqa li tinfetaħ skola f’Malta,” stqarr. Kompla jgħid li dak iż-żmien kien għaddej minn żmien ikrah u f’qalbu qal “m’hemmx iktar x’nitlef.”

Tant kemm kien hawn domanda għalih li għall-ewwel lezzjoni kien hemm 30 ruħ iżda mat-tieni lezzjoni ġew lura biss nofshom. B’daħka Pace qal li probabbli ma kienux qed jistennew daqshekk xogħol. 

L-għan wara l-akkademja hu li jagħti “opportunità lil dawk li forsi ma jaffordjawx jew m’għandhomx kuraġġ imorru barra minn Malta għalissa.’

‘Il-gimmick ta’ wieħed salvaġġ, bdiet minn Tajiri.’

Fil-bidu tal-karriera tiegħu kien beda’ bil-karrattru tal-kavallier iżda maż-żmien evolva. “Xtaqt nagħmel xi ħaġa ġdida għax kont donni weħilt, rajtni ma kontx naf fejn se naqbad immur iktar”, qal Pace. 

“Il-gimmick ta’ wieħed salvaġġ, bdiet minn Tajiri”, qal. Yoshihiro Tajiri, hu wrestler famuż. Hu kiseb l-popolarità tiegħu mal-Maltin lura fid-90ijiet meta kien jieħu sehem f’WWE. Tajiri kien beda’ jiġġieled flimkien ma’ Gianni Valletta u kien hu li ħajjar lill-Malti għal dan il-karratru ġdid. Tajiri beda’ jxebħu ma’ Bruiser Brody, wrestler famuż ieħor tat-80ijiet.“

“Onestament ma xtaqtx li nispiċċa kopja eżatta tiegħu, Iżda namirah, studjajtu u ħadt l-affarijiet li laqtuni mingħandu” qal filwaqt li spjega li kien Tajiri li ggwidah saħansitra kif jiċċaqlaq u l-mixja.

‘Jibqgħu jirsistu, jibqgħu jitħarrġu.’

Mill-akkademja ta’ PWM diġà ħarġu numru ta’ wrestlers b’karrattri pjuttost interessanti. Pace semma l-erba’ wrestlers li l-Maltin m’għandhomx jitilfu.

Jack Quinn, il-magician ta’ PWM. Pace jgħidilna li Quinn ilu fl-akkademja mill-bidu li fetħet lura fl-2014. “Għandu futur quddiemu avolja xi drabi rasu iebsa”, spjegalna b’daħka Pace. Jack Quinn diġà rrapreżenta lil-Malta f’kampjonati barra minn xtutna. 

Owen Blanco hu student ieħor li ħareġ minn din l-akkademja. Blanco jiffokka fuq it-teknika u Pace jiddiskrevih bħala naturali. Owen Blanco ġie mfaħħar minn numru ta’ wrestlers rinomati fosthom Joel Redman.

Adam Envy u Neil Hendrix, huma l-aħħar gradwati tal-akkademja. Pace jgħidilna li ma’ kull persuna li jikkompetu, dejjem jieħdu l-proset. 

Wayne Pace li jħarreġ lil dawn l-istudenti qal li għandhom “jibqgħu jirsistu, jibqgħu jitħarrġu. Jonqoshom biss li joħorġu hemm barra biex jiksbu l-esperjenza.” 

‘Id-daqqiet li naqalgħu huma ta’ detriment għal saħħitna’

Mistoqsi għaliex Sport Malta ma’ aċċetatx li tgħin lil PWM kemm il-darba, Pace spjega li minħabba li r-riżultati fir-wrestling huma determinati minn qabel dan ma jitqiesx bħala sport. 

Għal kuntarju ta’ dan, Pace jinsisti li taħriġ xorta jsir, d-daqqiet u tisbit li ġismek jieħu fir-ring mhumiex foloz u fl-aħħar mill-aħħar dawn “id-daqqiet qed iġibu detriment fuq saħħitna.”

Hawn Wayne Pace rrakonta wieħed mill-agħar inċidenti li kellu fir-ring, meta kiser subgħajh u kellu jibqa għaddej qisu ma’ ġara xejn. Wara l-ġlieda, ittieħed l-isptar u kellu jiġi operat immedjatament.

L-għajnuna li talab kemm il-darba Pace kienet għall-istudenti li bħalissa qed jitħarġu ġo remissa minflok f’post armat apposta għal dan l-isport. 

Talab ukoll għall-għajnuna biex l-istudenti ta’ din l-akademja jkollhom aċċess biex ikomplu jimirhu f’pajjiżi oħra bis-saħħa ta’ fondi minflok iħallsu minn buthom.

‘Dejjem xtaqt li nirrapreżenta lill-Malta’

Imma wrestler kif jagħżel l-isem? Ġeneralment l-isem jintagħżel biex jikkumplimenta l-karratru, dik li fl-industrija jsejħula Gimmick. Fil-każ ta’ Wayne Pace l-istorja kienet kompletament differenti. L-ewwel darba li sab ruħu f’ġlieda, lanqas biss kien bil-ħsieb li jkun fiha. 

Qabel l-avveniment il-maġġoranza tar-wrestlers inkluż l-istudenti jarmaw ir-ring kif ukoll is-siġġijiet għall-udjenza. “Waqt li kont qed narma, ġie l-coach fuqi u qalli mur lesti għax kwarta oħra se jkollok id-debutt”, qal Pace. 

Kompla jirrakonta kif dakinhar lanqas qalziet tar-wrestling ma kellu u spiċċa jissellef tal-għalliem tiegħu. 

Wara ftit mumenti reġa’ mar fuqu l-coach u staqsih x’isem ħa jkollu. “Kelli erbgħa f’moħħi, imma dak il-ħin bdejt nippanikja u ma kontx naf x’se nagħmel.” Lura fil-locker room, kien hemm sieħbu u staqsih x’jisimha l-Belt Kapitali ta’ Malta. “Qalli tajjeb uża lilha u sib isem għal magħha. Dak il-ħin ġie f’moħħi Ġanni għax donnu isem tipiku Malti.” Hu spiċċa jgħid li “minn hemm beda’ l-vjaġġ, minn dejjem xtaqt li nirrapreżenta lill-Malta”. 

Minn hemm ħareġ l-isem ta’ Gianni Valletta, iżda dan l-isem lil Pace ma jogħġbux, “jien personalment ma’ jogħġobnix imma issa drawni bih speċjalment fil-Ġappun.”

‘Fil-Ġappun diffiċli biex tikseb ir-rispett’

Tajjeb li nsemmu li Gianni Valletta jaf forsi ma jafux kulħadd f’Malta, iżda il-Ġappun għamel suċċess kbir. Skont hu kellu xorti tajba għax diġà hi iebsa li tirnexxi fis-settur tar-Wrestling fil-Ġappun aħseb u ara li tirbaħ ir-rispett tal-udjenza.

“Raw xi ħaġa fija” qal b’daħka, “naħseb rattabtilhom qalbhom”. Għalkemm fir-ring, Gianni Valletta hu persuna li għandhek tibża minnu, mal-ewwel tinduna li Wayne Pace, għal-kuntrarju, hu bniedem mistħi u sinċier. Bl-akbar umilta’, Pace qal li fil-fehma tiegħu jemmen li qed jagħmel biċċa xogħol tajba. Dan jintwera ukoll mill-kummenti li jħallulu ħafna fuq il-midja soċjali fejn uħud jiddiskrivuh bħala “il-pont ta’ ħbiberija bejn Malta u l-Ġappun.”

Gianni Valletta kellu l-opportunita’ wkoll li jirrapreżenta lil Malta fl-iktar kampjonat li ilu għaddej fid-dinja tar-wrestling. Valletta mhux talli ħataf din l-opportunita’ iżda wkoll rebaħ l-ġlieda tiegħu kontra ċ-champion Kento Miyahara.

Dan kollu wassal lill-Awtorità Ġappuniża għat-Turiżmu biex taħdem flimkien ma’ Wayne Pace biex jippromwovi l-gżejjer Maltin flimkien mal-mudella  u attriċi ġappuniża, Nishiuchi Hiro.

More in Politika