Dibattitu Covid | 'Il-programm tat-tilqim qiegħed b'xahar 'il quddiem'; 80 tabib tal-familja se jibdew jagħtu l-vaċċin

Iħabbar li llum infetaħ ċentru ġdid għat-tilqim l-MCAST ta’ Raħal Ġdid u minn għada f’Għawdex se jinfetaħ ċentru ieħor fit-Teatru Aurora

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-programm tat-tilqim qiegħed b’xahar 'il quddiem u dan ifisser li l-immunità tal-massa tista’ tintlaħaq sal-aħħar ta’ Awwissu u mhux l-aħħar ta’ Settembru.

Fearne kien qed jindirizza l-Parlament waqt dibattitu dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija meta ħabbar li llum stess fetaħ ċentru ġdid tat-tilqim fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid u minn għada f’Għawdex se jinfetaħ ċentru ieħor fit-Teatru Aurora.

Dan kollu jfisser, saħaq Fearne li sal-aħħar ta’ April se jkunu tlaqqmu l-anzjani kollha minn 60 sena ‘l fuq, apparti l-ħaddiema tas-saħħa, frontliners oħra u l-persuni vulnerabbli, fost oħrajn.

Apparti minn hekk, il-Ministru qal li 80 tabib tal-familja wieġbu għas-sejħa tal-awtoritajiet tas-saħħa biex meta l-vaċċin jinfetaħ għall-popolazzjoni kollha, dawn ikun qed jgħinu fid-distribuzzjoni tal-vaċċin.

Fakkar li Malta tinsab quddiem nett fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol it-tilqim.

“L-istrateġija tagħna hija li nibqgħu niddefendu biex inlaqqmu kemm jista’ jkun nies,” insista Fearne. “Qed nitolbu dawn is-sagrifiċċji biex f’dan ix-xahar inkomplu nlaqqmu aktar nies. Qed nitolbu dan l-aħħar sagrifiċċju biex nilħqu l-immunità tal-massa b’wiċċ il-ġid.”

More in Politika