Il-varjanti kien jonqos! Għandna għaliex ninkwetaw? L-ILLUM tispjega

Għax għandna l-vaċċin issa qed nisimgħu ħafna aktar fuq il-varjanti tal-Covid-19 li wieħed minnhom qed jinxtered ukoll f’Malta. Imma għandna għaliex ninkwetaw? Dawn huma aktar perikolużi? Il-vaċċin jaħdem kontrihom? U dan minn fejn inqalgħu?

Kulma jmur qed nisimgħu ħafna dwar il-varjanti tal-Covid-19 li f’diversi pajjiżi, anke Ewropej, kienu l-kaġun wara splużjoni fir-rata tal-infezzjoni u saħansitra waslu għal restrizzjonijiet u lockdowns stretti mmens, bħalma ġara fir-Renju Unit.

Wieħed minn dawn il-varjanti huwa preżenti u qed jinxtered ukoll f’Malta. Imma dawn il-varjanti x’inhuma? Huma aktar perikolużi mill-Covid-19 ‘normali?’ Għandna għaliex ninkwetaw? Il-vaċċin jaħdem kontrihom? F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tipprova, fi kliem sempliċi, twieġeb dan kollu.

L-ewwel u qabel kollox, wieħed ta’ min jifhem li kwalunkwe virus jinbidel kontinwament b’dak il-proċess naturali li jissejjaħ mutazzjoni, fejn ikollok bidla fl-istruttura tal-ġene. Xi drabi dawn il-varjanti ta’ virus jisparixxu waħedhom iżda oħrajn jippersistu u jsiru dominanti. Għalhekk ma kinitx sorpriża li anke l-Covid-19 jiżviluppa dawn il-varjanti.

X’inhuma l-varjanti li nafu bihom?

Tista’ tgħid li jeżistu eluf ta’ verżjonijiet jew varjanti tal-Covid-19. Ħafna minn dawn il-varjanti ma jbiddlu kważi xejn mill-virus iżda oħrajn jistgħu jkunu aktar b’saħħithom u jinxterdu aktar malajr.

Sa issa, hemm tliet varjanti li qed jissemmew u li qed iqajmu tħassib:

  • Il-varjant tar-Renju Unit (magħruf ukoll bħala B.1.1.7). Dan huwa l-varjant li sar dominanti fir-Renju Unit u li nxtered ukoll f’madwar 50 pajjiż ieħor, inkluż f’Malta.
  • Il-varjant tal-Afrika ta’ Isfel (magħruf ukoll bħala B.1.351) li nstab f’20 pajjiż. F’Malta nstab biss każ wieħed.
  • Il-varjant tal-Brażil (magħruf ukoll bħala P1). Dan instab f’erba’ persuni li kienu qed jivjaġġaw lejn il-Ġappun. Ma jidhirx li dan daħal Malta.

Imma dawn il-varjanti huma aktar perikolużi?

Sa issa ma hemm l-ebda evidenza li turi li dawn il-varjanti huma aktar perikolużi jew inkella jikkawżaw infezzjoni aktar serja.

Madanakollu, bħal Covid-19 normali, il-varjanti għandhom effett aktar negattiv fuq anzjani u persuni oħra vulnerabbli, inkluż dawk li jbatu minn mard kroniku.

Jidher biss li dawn il-varjanti jinxterdu aktar malajr. Ovvjament, aktar ma jkun hawn persuni infettati, aktar hemm ċans li jkun hemm pazjenti li jiżviluppaw kumplikazzjonijiet u aktar hemm ċans li jkun hemm vittmi.

Fil-fatt, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard wissa li jekk ma jiġux ikkontrollati, dawn il-varjanti jistgħu iżidu l-pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa.

“Għalkemm ma hemmx informazzjoni li l-infezzjonijiet b’dawn il-varjanti huma aktar severi, minħabba l-fatt li jinxterdu aktar malajr, l-impatt tal-Covid-19 f’termini ta’ nies li jkollhom bżonn kura fl-isptarijiet u anke fir-rata tal-imwiet huwa meqjus għoli, partikolarment fost l-anzjani u persuni oħra vulnerabbli,” saħqet l-Aġenzija.

X’nafu dwar dawn il-varjanti?

Kif spjegat aktar qabel, ir-riċerka qed turi li dawn il-varjanti inbidlu b’tali mod li jistgħu jinxterdu aktar malajr. Fil-fatt, ħaġa komuni f’dawn il-varjanti (u li dehret l-aktar fil-varjant tal-Afrika ta’ Isfel), hija li dawn żviluppaw mutazzjoni fil-ġene li tifforma dik ix-xekwa, li jkun hemm fil-virus (li bl-Ingliż tissejjaħ spike), jiġifieri dik il-parti tal-virus li ‘taqbad’ maċ-ċelloli umani. 

Fil-każ tal-varjant tar-Renju Unit, li feġġ f’Settembru, jidher li dan jinxtered 70% aktar faċli mill-Covid-19 komuni, anke jekk hemm studji oħra li jisħqu li dan il-persentaġġ huwa inqas.

L-aktar li qed iqajjem tħassib jidher li huwa l-varjant tal-Afrika ta’ Isfel. Fi kliem sempliċi, jidher li dan il-virus inbidel b’tali mod li jista’ jevadi partijiet mis-sistema immunitarja, jew inkella dawk l-antibodies li l-ġisem ikun żviluppa biex jiġġieled il-Covid-19, jew għax il-persuna kellha l-virus qabel jew inkella għax tkun ħadet il-vaċċin.

Il-varjant tal-Brażil, li deher għall-ewwel darba f’Ġunju, jixbah ukoll lil dak tal-Afrika ta’ Isfel.

Il-vaċċin se jaħdem kontra dawn il-varjanti?

Ovvjament, it-tipi ta’ vaċċin li hawn disponibbli bħalissa ġew żviluppati fuq ‘verżjonijiet’ tal-Covid-19 li kienu dominanti xhur ilu. Madanakollu, ix-xjentisti jemmnu li t-tipi ta’ vaċċin disponibbli xorta waħda jistgħu jaħdmu kontra dawn il-varjanti, anke jekk l-effettività tista’ tvarja.

Studji riċenti qed jissuġġerixxu li l-vaċċin ta’ Pfizer jista’ jipproteġi kontra l-varjanti l-ġodda, anke jekk jista’ jkun hemm differenza fl-effettività

Tipi oħra ta’ vaċċin li mistennija jkunu approvati dalwaqt, jiġifieri dawk ta’ Novavax u anke Jannsen, jidher li joffru wkoll protezzjoni kontra dawn il-varjanti.

Skont AstraZeneca u Oxford, il-vaċċin tagħhom huwa b’saħħtu biżżejjed biex jiġġieled bl-istess mod il-varjant tar-Renju Unit. Jidher li dan joffri ftit inqas protezzjoni kontra l-varjant tal-Afrika ta’ Isfel, anke jekk xorta waħda jista’ jkun biżżejjed biex jevita infezzjoni jew sintomi severi.

Għalhekk, bħalissa x-xjentisti qed jaħdmu biex jimmodifikaw il-vaċċin ta’ Oxford u Astra Zeneca biex ikun aktar effettiv kontra dan il-varjant.

L-ewwel riżultati minn Moderna jissuġġerrixu li l-vaċċin huwa effettiv ukoll kontra l-varjant tal-Afrika ta’ Isfel, anke jekk ir-rispons immunitarju jista’ jkun inqas b’saħħtu jew inkella jdum inqas.

Ovvjament, ‘il quddiem jistgħu jiżviluppaw varjanti li fuqhom it-tipi ta’ vaċċin disponibbli ma jkunux daqshekk effettivi.

Madanakollu, skont esperti, fi żmien ftit ġimgħat, jew inkella xhur, il-vaċċin jista’ jkun immodifikat b’tali mod li jkun jilqa’ aktar kontra varjanti ġodda.

Wara kollox dan huwa dak li jiġri fil-każ tal-influwenza. Kull sena tingħata tilqima ġdida biex tilqa’ kontra bidliet li jista’ jkun hemm fil-virus tal-influwenza.

X’nafu b’ċertezza?

Filwaqt li ħafna studji għadhom għaddejja fuq il-Covid-19 u l-varjanti tiegħu, hemm diversi affarijiet li huma ċerti:

  • Aktar ma jinxtered il-Covid-19 aktar hemm ċans li jiżviluppaw varjanti
  • Anke jekk ħafna mill-bidliet fil-virus ma jkollhomx effett, il-virus jista’ jinbidel b’tali mod li jgħinu jissopravivi u jibqa’ jinxtered. Dawn il-varjanti jistgħu jsiru dominanti
  • Il-virus se jibqa’ jinbidel imma, jekk ikun hemm bżonn, il-vaċċin jista’ jkun modifikat biex jiġġieled lilhom ukoll 
  • L-aktar miżuri bażiċi ta’ mitigazzjoni, fosthom l-iġjene tal-idejn, l-ilbies tal-maskri u d-distanza soċjali wkoll jistgħu jnaqqsu t-tixrid tal-varjanti

More in Politika