Micallef jikteb lill-Kummissarju għall-Istandars biex jinvestiga lil Azzopardi; 'Hyzler diġà vverifika' jwieġeb id-Deputat

Dan wara allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta' Azzopardi, jiġifieri li dan falla milli  jħallas it-taxxa dovuta għal diversi snin

Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef kiteb lill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, biex jinvestiga lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

"Għamilt dan bħala ċittadin privat fl-interess nazzjonali," saħaq Micallef.

Dan wara allegazzjonijiet li Azzopardi naqas milli jħallas taxxa dovuta għal diversi snin.

Fil-fatt, diversi kmamar tal-aħbarijiet talbu li jingħataw id-dokumenti kollha marbuta mat-taxxa ta' Azzopardi, taħt l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa. Taħt dan l-Att, editur reġistrat jista’ jitlob it-tax returns tad-Deputati.

Fis-sighat li ghaddew ktibt personalment lill-Kummissarju ghall-Harsien tal-Istandards fil-Hajja Pubblika, Dr George...

Posted by Jason Micallef on Friday, 5 March 2021

Jason Azzopardi jwieġeb

Madanakollu, id-Deputat Nazzjonalista qal mas-sit illum.com.mt li Jason Micallef "qiegħed tard" għax Hyzler diġà għamel il-verifika.

Fil-fatt, lis-sit illum.com.mt, Azzopardi urih żewġ emails. Fl-ewwel waħda, datata 16 ta' Novembru 2020, l-Uffiċċju tal-Ispeaker infurmah li l-Kummissarju Hyzler talab id-dokumenti dwar it-taxxa ta' Azzopardi għas-sena 2020. L-Ispeaker jistaqsih jekk għandux il-permess tiegħu biex jgħaddi d-dokumenti mitluba.

Fl-20 ta' Novembru 2020, Azzopardi wieġeb lill-Uffiċċju tal-Ispeaker jisħaq li ma kellu l-ebda problema li jgħaddi d-dokumenti mitluba lil Hyzler. Fl-istess imejl, jinforma wkoll lill-Uffiċċju tal-Ispeaker li l-Kummissarju għat-Taxxa, Marvin Gearty jista' jikkonferma mal-Kummissarju Hyzler illi hu ma kienx daħħal it-tax returns għall-aħħar tliet snin minħabba proċeduri ta' separazzjoni.

Fil-fatt, anke f'kummenti mal-MaltaToday, aktar kmieni din il-ġimgħa, Azzopardi qal li kien falla milli jdaħħal it-tax returns fil-ħin minħabba li kien għaddej minn proċess ta' separazzjoni u nqalgħu xi problemi legali li huma komuni fl-istess proċess.

Madanakollu insista li f'Jannar tal-2021, personalment kien ippreżenta d-dokumenti kollha mitluba għas-snin 2018 u 2019, iżda l-Kummissarju tat-Taxxa kien għadu qed jipproċessa d-dokumenti kif inhu mitlub fi proċeduri ta' separazzjoni.

Qal li l-Kummissarju tat-Taxxa informa b'dan kollu kemm lill-Iskrivan tal-Kamra u anke lil One News (li talbu d-dokumenti). Insista li ONE News immanipulaw problema personali li hu għandu u li jgħaddu minnha eluf ta' Maltin.

"Ovvjament dan kien attentat biex idawwru l-attenzjoni minn fuq il-fjask li għamel Robert Abela fil-konferenza dwar il-Covid-19," insista Azzopardi.

Intant, f'konferenza tal-aħbarijiet li saret nhar il-Ġimgħa, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Glenn Bedingfield staqsew jekk Bernard Grech, bħala Kap Nazzjonalista, hux se jieħu passi kontra Azzopardi.

More in Politika