'Rosianne Cutajar messha tirriżenja mill-Parlament ukoll' - Repubblika

Repubblika tgħid li l-Prim Ministru tilef opportunità biex ikeċċi lil Cutajar hu

Fi stqarrija l-għaqda Repubblika sostniet illi Rosianne Cutajar imissha "tirriżenja mill-Parlament ukoll u tħalli l-ħajja pubblika wara li ħalliet lil Yorgen Fenech jisserva mill-pożizzjonijiet pubbliċi tagħha."  Cutajar irriżenjat mill-kariga sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet li hemm pendenti quddiem il-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler għalkemm sostniet li hi se tkun qed twieġeb "għall-attakki inġusti, spins politiċi u kummenti qarrieqa."

Filwaqt li ddiskreviet ir-riżenja ta' Cutajar bħala "pass pożittiv" l-għaqda Repubblika saħqet ukoll illi l-Prim Ministru Robert Abela "tilef opportunità li jibgħat sinjal li jrid governanza tajba meta baqa’ jirrifjuta li jkeċċi lil Rosianne Cutajar."

L-għaqda Repubblika temmet tgħid li hi impenjata li "tkompli l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-governanza tajba u se tuża l-mezzi kollha possibbli biex tinsisti li min fil-politika jindihes mill-kriminali, iwarrab u jagħti kont ta’ għemilu."

More in Politika