Madwar 700 ħaddiem fil-qasam soċjali jibdew jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19

Dawn il-ħaddiema, li jaħdmu direttament ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika, ta’ vizzji, professjonisti tad-detox, u diversi ħaddiema oħra li għandhom impjieg f’xi residenza tat-tfal, immexxija mill-FSWS

Madwar 700 ħaddiem tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) qegħdin jirċievu l-vaċċin ta’ kontra l-COVID-19.

Dawn il-ħaddiema, li jaħdmu direttament ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika, ta’ vizzji, professjonisti tad-detox, u diversi ħaddiema oħra li għandhom impjieg f’xi residenza tat-tfal, immexxija mill-FSWS, mistennija jitlaqqmu kollha sal-aħħar tal-ġimgħa.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mal-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon żaru lil uħud minn dawn il-ħaddiema li qed jirċievu l-vaċċin fiċ-ċentru ta’ tilqim li ntrama fl-Università ta’ Malta.

Iż-żewġ ministri tennew is-sodisfazzjon tagħhom għall-mod strutturat li bih qed jitlaqqmu numru ta’ front liners tal-qasam soċjali.

Falzon faħħar is-sehem tal-impjegati kollha tal-FSWS, li matul l-aħħar xhur raw żieda fix-xogħol tagħhom, kawża tal-pandemija, li żiedet is-solitudni u diversi pressjonijiet soċjali ġodda.

Fearne irringrazzja lill-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS), tax-xogħol li għamlu sabiex iċ-ċentru tat-tilqim fl-Università ta’ Malta seta’ jiżdied bħala lok ieħor fejn jitlaqqmu gruppi ta’ ħaddiema. 

More in Politika