Malta tibqa' lura fit-teleworking - kważi 86,000 impjegat jistgħu jaħdmu mid-dar

Minkejja żieda ta' 21% fin-nies li ħadmu permezz tat-telework waqt il-pandemija, analiżi tal-Bank Ċentrali juri li Malta għadha fost il-pajjiżi bl-inqas rata ta' nies li jistgħu jaħdmu mid-dar, u fil-fatt jagħmlu dan ...

Kważi 40,000 persuna - jew 15.5% tal-popolazzjoni tal-impjegati fis-suq tax-xogħol -  faċilment jistgħu jaħdmu mid-dar minflok ikunu fiżikament preżenti fuq il-post tax-xogħol, fost dawn hemm persuni li jaħdmu fl-oqsma tal-komunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji u ta' assigurazzjoni, logħob tal-azzard online u betting kif ukoll impjiegi relatati mal-qasam xjentifiku u tekniku.   

Dan in-numru jitla' għal kważi 60,000 (23.3%) jekk tgħodd diversi postijiet tax-xogħol fejn minkejja li huwa aktar prattiku li l-ħaddiema jkunu preżenti minħabba n-natura tax-xogħol, xorta jistgħu jaħdmu mid-dar bil-produzzjoni jew servizz jibqa' jkun offrut.  Fost dawn hemm impjiegi ta' programming, bejgħ u xiri ta' djar, kif ukoll djar tal-pubblikazzjoni. 

Dan in-numru imbagħad jerġa jitla' għal 86,200 impjegat (33.8%) jekk tgħodd dawk it-tip ta' impjiegi li huma meqjusin li għandhom bżonn l-interatività umana biex joperaw, fuq quddiem l-impjiegi kważi kollha tal-edukazzjoni, pero' li jistgħu jaħdmu permezz tat-teleworking f'każi ta' emerġenza bħall-pandemija.  

Dan jirriżulta minn analiżi interessanti li saret mill-Bank Ċentrali ta' Malta u li tat ħarsa lejn il-kunċett tat-teleworking, kemm qabel il-pandemija u anke matulha.  

Il-Bank Ċentrali, fir-rapport tiegħu, sostna illi skont il-kalkolu ta' Fana et al 2020 fl-analiżi 'The Covid confinement measures and the EU Labour Market' 28.7% tal-ħaddiema Maltin - jew 73,000 ħaddiem -  jistgħu jaħdmu mid-dar.

Minkejja dan huwa ċar illi, anke waqt il-pandemija, il-perċentwal ta' nies f'teleworking f'Malta baqa' dejjem inqas mill-medja fl-Unjoni Ewropea.  Fil-fatt fl-2019 kienu b'kollox 11.7% ta' dawk fis-suq tax-xogħol li kienu jaħdmu (jew jaħdmu xi sigħat) mid-dar li hija inqas mill-medja fl-UE ta' 15%.  Huwa iżda perċentwal ħafna ikbar minn dawk li kienu jaħdmu mid-dar fl-2009, meta kienu biss 3.6% li kienu jaħdmu permezz tat-teleworking.  Il-Bank Ċentrali Malti jgħid fl-analiżi tiegħu illi din iż-żieda ġiet fl-istess żmien illi matulu żdiedu n-nisa fid-dinja tax-xogħol, speċjalment f'impjiegi li jkunu jirrikjedu arranġamenti aktar flessibbli biex jintlaħaq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-bżonnijiet tal-familja. 

Il-Bank Ċentrali jinnota iżda li l-prevalenza tat-teleworking f'pajjiżna jibqa' pjuttost baxx imqabbel mal-medja Ewropea u jgħid li dan jista' jkun frott ta' numru ta' fatturi.  "Filwaqt li dan in-numru jista' jkun riflessjoni ta' realtajiet kulturali, il-potenzjal tat-teleworking iserraħ ħafna fuq il-kompożizzjoni industrijali tal-pajjiż." 

Il-Bank Ċentrali jfakkar illi s-setturi tal-bejgħ bl-imnut (ħwienet tal-ħwejjeġ, żraben, aċċessorji etc ...) kif ukoll il-manifattura huma fost l-akbar setturi fl-ekonomija.  Dan flimkien mas-servizzi (lukandi, ristoranti, aġenziji tal-ivjaġġar etc ...) u l-kostruzzjoni  - li jħaddmu 8% u 7% tan-nies fis-suq tax-xogħol, rispettivament - li wkoll huma setturi ekonomiċi kbar.  Dawn huma kollha setturi fejn huwa kważi impossibbli li l-impjegati joperaw mid-djar u jirrikjedu li dawn ikunu preżenti fuq il-post tax-xogħol. 

U waqt il-pandemija?

Naturalment l-affarijiet inbiddlu waqt il-pandemija fejn għal xhur il-pajjiż esperjenza kważi lockdown b'ħafna aktar nies jaħdmu mid-dar.  Il-Bank Ċentrali jikkwota statistika li turi illi matul Marzu u April tal-2020 kien hawn 33% tal-popolazzjoni li kienet qed taħdem mid-dar.  Dan il-perċentwal fil-fatt jikkorrispondi ma' dak li titratta l-analiżi li saret mill-Bank Ċentrali u li juri illi sa 33.8% jistgħu jaħdmu mid-dar (ara aktar 'l fuq). 

Minkejja li hija qabża ta' 21% meta mqabbel mal-2019, Malta xorta baqgħet taħt il-medja Ewropea f'dak relatat ma' teleworking fejn f'Lulju 48% irrappurtaw li kienu qed jaħdmu mid-dar "mill-inqas ftit sigħat fil-ġimgħa." 

Interessanti wieħed jinnota li f'pajjiżna - skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet - il-każi tal-Covid-19 fost il-kollegi fuq il-post ta-xogħol, kienu t-tieni l-aktar fattur komuni għall-imxija, wara t-tixrid fost membri tal-familja ta' persuni pożittivi. 

L-istess rapport jgħid illi l-potenzjal tat-teleworking f'Malta huwa ogħla milli hu fl-Unjoni Ewropea u dan għaliex perċentwalment is-setturi tal-gaming/betting kif ukoll dak tas-servizzi finanzjarji f'Malta huma akbar.  Fil-fatt ir-rapport ifakkar illi filwaqt li 3.7% tal-ħaddiema f'Malta jaħdmu fil-qasam tal-gaming/betting il-medja fl-UE hija biss ta' 0.2%. 

Ir-rapport jikkonkludi billi jgħid illi t-teleworking joffri kemm opportunitajiet ekonomiċi u anke theddid.  Ifakkar li fost it-theddid ekonomiku jista' jkun hemm il-fatt li kumpaniji jiftħu Malta mingħajr ma jkollhom iħaddmu nies hawnhekk - u allura jonqsu l-benefiċċji li dan jista' jġib fuq setturi oħrajn (akkomodazzjoni, bejgħ bl-imnut, trasportazzjoni u aktar).  Minn naħa l-oħra iżda l-Bank Ċentrali ta' Malta jfakkar illi t-teleworking jista' jgħin sabiex kumpaniji u impjegati Maltin jew f'Malta jkunu jistgħu joffru servizzi barra mill-pajjiż.

It-teleworking fl-UE skont il-Kummissjoni Ewropea ...

Il-pajjiżi, fejn fl-2019  aktar minn 35% tal-ħaddiema kienu jaħdmu wkoll mid-dar kienu l-Iżvezja u l-Olanda.  L-inqas, b'inqas minn 5%, kienu l-Bulgarija, ir-Rumanija u Ċipru 40% tal-Ewropej bdew jaħdmu mid-dar full time bħala riżultat tal-pandemija.  Qabel ma faqqgħet il-pandemija l-persentaġġ kien biss ta' 15%

Fl-2019 kienu biss 5.4% tal-Ewropej li "normalment jaħdmu mid-dar" għalkemm kienu 9% dawk li "mqar xi minn daqqiet" jaħdmu mid-dar
L-aktar setturi illi fihom kien hemm ħaddiema li jaħdmu mid-dar huma l-IT u komunikazzjoni, servizzi ta' negozju, edukazzjoni u finalment attivitajiet relatati ma ppubblikar, awdjoviżwal u xandir

Il-professjonisti u maniġers huma l-aktar li ħadmu bit-telework malli faqqgħet il-pandemija.  Dan għaliex ħafna mix-xogħol li jagħmlu huwa fuq il-laptops tagħhom u għandhom ċerta element ta' awtonomija

Minn naħa l-oħra segretarji, clerks u junior professionals kellhom inqas aċċess għat-teleworking

Kumpaniji li huma akbar fid-daqs tipikament aktar jadottaw politika ta' teleworking.  Fil-fatt kumpaniji b'aktar minn 50 ħaddiem fl-Olanda, l-Iżvezja u l-Finlandja kienu diġa' qed juru sehem akbar ta' telework milli kienu qed juru kumpaniji tal-istess daqs fl-Italja u l-Kroazja

Ħaddiema li għandhom abilitajiet diġitali għoljin huma aktar f'pożizzjoni li jaħdmu mid-dar

It-teleworking: Għadna lura!
It-teleworking: Għadna lura!

More in Politika