'L-imħabba qatt m’għandha tweġġa’ - Ikser is-silenzju' - Messaġġ mill-Korp għal San Valentinu

Kampanja għal San Valentinu fuq il-midja soċjali tal-Korp tal-Pulizija, kontra l-vjolenza domestika u dik bbażata fuq il-ġeneru

Il-poster bil-messaġġ tal-Korp tal-Pulizija
Il-poster bil-messaġġ tal-Korp tal-Pulizija

"L-imħabba qatt m’għandha tweġġa’ - Ikser is-silenzju” ... “L-imħabba qatt m’għandha tweġġa’ – Waqqaf l-Abbuż”.

Dawn huma l-messaġġi li l-Pulizija tal-Komunità, il-Victim Support Unit u l-Gender Based & Domestic Violence Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qegħdin iwasslu din is-sena, permezz ta’ kampanja fuq il-midja soċjali tal-Korp tal-Pulizija, għal San Valentinu. San Valentinu hija l-ġurnata li fiha l-koppji jiċċelebraw l-imħabba ta’ bejniethom. Sfortunatament bejn l-erba’ ħitan tad-djar, hemm persuni li qegħdin isofru u minflok imħabba qegħdin jgħaddu minn weġgħat kbar minħabba vjolenza fiżika, psikoloġika, abbuż u biża’.

Permezz ta’ din il-kampanja, il-Pulizija trid tqajjem kuxjenza illi l-vittmi huma min huma, irrispettivament mis-sess tagħhom, m’għandhomx jibqgħu lura, jiksru s-silenzju u jirrapportaw l-abbuż.

Fl-okkażjoni tat-tnedija ta’ din il-kampanja, uffiċjali mill-Pulizija tal-Komunità, il-Victim Support Unit u l-Gender Based & Domestic Violence Unit organizzaw attività għall-vittmi tal-vjolenza domestika ġewwa l-kafetterija Jacob’s Brew f’Wied il-Għajn.

Din kienet okkażjoni sabiex l-istess vittmi jitkellmu b’mod apert mal-pulizija f’atmosfera differenti mis-soltu. Waqt it-tnedija tal-kampanja kontra l-vjolenza domestika, il-Pulizija wasslu l-messaġġ li huma qegħdin hemm biex joffru l-assistenza u jisimgħu lil kulħadd. "Il-vittmi ta’ vjolenza domestika, m’humiex waħedhom. L-uffiċjali tal-pulizija huma umani wkoll u għalhekk kull vittma se ssib il-konfort tal-pulizija fis-sofferenza tagħhom," ittemm tgħid l-istqarrija. 

More in Politika