BioNTech/Pfizer se jipprovdu 75 miljun doża addizzjonali tal-vaċċin lill-UE

Intant, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel qalet li x’aktarx il-vaċċin kontra l-Covid-19 se jkun bżonnjuż “għall-ħafna snin oħra”

Il-kumpaniji BioNTech u Pfizer qalu li fit-tieni kwart tas-sena se jkunu qed jipprovdu 75 doża aktar tal-vaċċin kontra l-Covid-19 lill-Unjoni Ewropea.

Il-kap tal-laboratorju Ġermaniż, Sierk Poetting, ħabbar li l-kumpanija BioNTech se tkun qed taċċellera l-konsenji tagħha.

Fil-fatt, iż-żewġ kumpaniji li qed jaħdmu flimkien qalu li se jkunu qed jaċċelleraw il-konsenji tagħhom min-nofs Frar biex hekk jissupplixxu d-dożi kollha li dwarhom intlaħaq qbil għall-ewwel kwart tas-sena.

Apparti minn hekk huma determinati li jipprovdu 75 miljun doża addizzjonali tal-vaċċin lill-Unjoni Ewropea fit-tieni kwart tas-sena.

Fuq Twitter, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen laqgħet din l-aħbar u qalet li dan se jkun qed ifisser li sal-aħħar tal-2021, Pfizer u BioNTech se jkunu bagħtu xejn inqas minn 600 miljun doża tal-vaċċin lill-Unjoni Ewropea.

Intant, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel qalet li x’aktarx il-vaċċin kontra l-Covid-19 se jkun bżonnjuż “għall-ħafna snin oħra.”

Hija qalet dan waqt laqgħa li kellha mal-gvernaturi tal-istati, rappreżentanti tal-industrija tal-farmaċewtika u anke rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Merkel qalet li s-sitwazzjoni bil-Covid-19 hija simili għall-vaċċin tal-influwenza, fejn kull sena jkun hemm bżonn li titlaqqam kontra varjant ġdid.

Il-programm għat-tilqim fil-Ġermanja kien ikkritikat li miexi bilmod wisq, iżda Merkel qed tisħaq li sal-21 ta’ Settembru, kull Ġermaniż se jkun offrut it-tilqima. Dan jaħbat jiem biss qabel elezzjoni ġenerali. 

More in Politika