Il-PM jżur investiment ta' €50 miljun fil-birrerija ta' Farsons

Iċ-Chairman tal-kumpanija stqarr li fi Trident Park għaddej xogħol mill-isbaħ bi żvilupp mill-ġdid ta’ €50 miljun f’sit b’wirt ikoniku tas-snin ħamsin li qed jinbidel fi green office campus.

Il-PM iżur il-fabbrika ta' Farsons
Il-PM iżur il-fabbrika ta' Farsons

Il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ żar investiment ta’ €50 miljun li għaddej fil-faċilitajiet ta’ Simonds Farsons Cisk u Trident Estates fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel – proġett li se jkun qed jospità mal-1,500 ħaddiem.

Iċ-Chairman tal-kumpanija Louis Farrugia flimkien mat-tmexxija ta’ Farsons urew lill-Prim Ministru l-faċilitajiet tal-birrerija, l-ibbottiljar u l-ippakkjar tal-aħħar teknoloġija.

Minbarra l-investiment ta’ miljuni kbar li saru matul l-aħħar snin, Farrugia aġġorna lill-Prim Ministru dwar investimenti attwali li jinkludu tibdil tal-birrerija l-qadima fejn kien isir it-tisjir tal-birra f’wirja storika ta’ dak li sawwar lill-kumpanija Farsons tul iż-żmien.

Minbarra t-trasformazzjoni tal-faċilitajiet tal-birra u tal-produzzjoni tax-xorb matul l-aħħar snin, Farsons investiet b’mod sinifikanti fl-innovazzjoni.

Farrugia stqarr fi Trident Park għaddej xogħol mill-isbaħ bi żvilupp mill-ġdid ta’ €50 miljun f’sit b’wirt ikoniku tas-snin ħamsin li qed jinbidel fi green office campus. Il-proġett huwa wieħed aħdar sal-qalba tiegħu, b’inqas minn 50% tal-art disponibbli mibnija tagħti spazju u importanza sabiex jinfetħu spazji ta’ pajsaġġ.

Iċ-chairman tal-kumpanija żied jgħid li d-disinn tal-proġett huwa ispirat mill-palazzi tradizzjonali Maltin, li għandhom btieħi interni li jipprovdu arja friska u dawl naturali għall-interjuri tal-bini, bħas-sitt ġonna li jisseparaw is-seba’ blokki tal-uffiċini minn xulxin. Sostna li dan hu bini li jirrispetta l-ambjent naturali u li jfittex li jimminimizza l-marka tal-karbonju billi juża teknoloġiji avvanzati. Faċilitajiet oħra disponibbli għall-inkwilini se jinkludu childcare centres, gym, ħwienet tal-ikel u x-xorb, faċilità tal-konferenzi u oħrajn.

Il-Prim Ministru qal li jinsab sodisfatt bil-mod ta’ kif il-kumpanija evolviet matul is-snin u hija xempju perfett ta’ kif kull negozju f’pajjiżna għandu jaspira li jilħaq l-ogħla livell ta’ suċċess f’kull forma ta’ negozju. Huwa nnotta wkoll li t-tmexxija tal-kumpanija apprezzat l-għajnuna finanzjarja li offra l-gvern permezz tal-wage supplement.

Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia 

Il-Ministru Farrugia qal li l-laqgħa kienet ħarsa lejn il-futur ta’ pajjiżna bi proġett iffukat fuq bini modern, sostenibbli u li jilqa’ għat-tibdil fil-klima, fi sfond ta' diskussjonijiet dwar l-ekonomija ċirkolari li pajjiżna qed iħaddan u li l-gvern qed jixpruna.

Il-Ministru Schembri innota kif il-kumpanija Farsons Group, għal dawn l-aħħar 90 sena kontinwament uriet reżiljenza u baqgħet pijuniera sabiex taġġorna l-operat tagħha mal-iżviluppi tat-teknoloġija moderna. Il-Ministru Schembri qal li Farsons Group għarfet l-opportunità u investiet fil-qasam tal-awtomazzjoni u l-ħiliet tekniċi tal-ħaddiema tagħha, biex issaħħaħ il-kwantità fil-produzzjoni u l-kwalità tas-servizz tagħha.

 

More in Politika