Bernard Grech jibda l-proċess għar-reshuffle tal-kelliema tal-Oppożizzjoni

Bħalissa, id-Deputati kollha qed jissejħu wieħed wieħed għal-laqgħa mal-Kap Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali

Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni
Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni

Sorsi viċin il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, ikkonfermaw mas-sit illum.com.mt, li l-Kap tal-Oppożizzjoni beda l-proċess biex jagħmel ir-reshuffle mistenni tas-shadow cabinet.

Fil-fatt, bħalissa, id-Deputati kollha qed jissejħu wieħed wieħed għal-laqgħa mal-Kap Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali.

Il-proċess mistenni jkompli matul il-ġurnata, bis-sorsi jisħqu mal-ILLUM li mhux eskluż li jkompli anke għada, bid-dettalji jingħataw fis-sigħat jew il-ġranet li ġejjin.

Grech ilu minn Ottubru Kap tal-Oppożizzjoni iżda żamm l-istess shadow cabinet li kien ħatar l-eks Kap Adrian Delia.

Bħalissa, l-uniku żewġ Deputati li ma għandhomx rwol fis-shadow cabinet huma l-istess Delia u anke Joe Ellis li ġie elett b'elezzjoni każwali fuq it-13-il Distrett (Għawdex) wara l-mewt tad-Deputat Frederick Azzopardi.

Delia kien indika li ma jixtieqx li jkollu rwol fil-Grupp Parlamentari bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni.

More in Politika