Filmat | Ftehim bejn il-Gvern u l-MUT ... kollox lura għan-normal nhar it-Tnejn

Qqbil bejn il-Gvern u l-MUT dwar is-sitwazzjoni fl-iskejjel wara laqgħat li komplew dalgħodu f'Kastilja

Wara l-laqgħat li komplew dalgħodu intlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-Malta Union of Teachers flimkien ma' entitajiet u unjins oħra biex nhar it-Tnejn 11 ta' Jannar kollox imur lura għan-normal fl-iskejjel.

 Dan wara strajk msejjaħ mill-MUT u li kien appoġġjat ukoll mill-Unjin tal-Edukaturi u Professjonisti (UPE) li beda ilbieraħ u li baqa' għaddej illum wara żieda qawwija fil-każi tal-Covid-19, nhar il-Erbgħa. 

Fi stqarrija konġunta bejn il-Gvern, l-unjins kif ukoll skejjel ikkonċernati kien sostnut illi matul il-laqgħa li saret dalgħodu f'Kastilja saret preżentazzjoni tas-sitwazzjoni tal-pandemija u l-effett fuq l-iskejjel mill-Professur Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Dr Vincent Marmarà sabiex il-partijiet ikollhom analiżi tal-istatistika tal-pandemija.

Il-Gvern spjega kif il-konklużjoni ta’ dan kollu kienet li ngħatat l-assigurazzjoni ċara li, billi l-iskejjel ikunu miftuħa b’miżuri ta’ mitigazzjoni, iktar hemm tendenza li jonqsu l-każijiet fil-komunità għax il-familji jipparteċipaw f’inqas attivitajiet soċjali. Dan jipprovdi iktar protezzjoni lit-tfal u lill-edukaturi u jgħin biex irażżan il-pandemija fuq livell nazzjonali.  Għalhekk, l-iskejjel jistgħu jiftħu minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar bil-miżuri kollha li ddaħħlu skont il-protokolli maqbula mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

. Il-partijiet irreġistraw ukoll dan il-qbil: 

  • Il-proċedura ta’ contact tracing u implimentazzjoni tal-protokolli ser tkun imsaħħa; 
  • Il-proċedura ta’ ċertifikati tal-mard li jiġu ppreżentati fl-iskejjel ser titjieb; 
  • L-istaff tal-iskejjel se jkunu ta’ prijorità fil-programm tal-implimentazzjoni tal-vaċċin hekk kif bħalissa t-tilqima qed tingħata lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u lill-anzjani;
  • Il-partijiet kollha ser ikollhom aġġornament kull ġimgħa permezz ta’ figuri aġġornati dwar l-effett tal-pandemija fl-iskejjel; 
  • Il-gvern u l-partijiet kollha qed jerġgħu jingħaqdu f’working group biex jiddiskutu u jirrevedu l-ħidma fil-pandemija b’mod kontinwu. 

More in Politika