Waqt il-bulletin mediku, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fakkret li ftit jiem se jibda t-tilqim kontra l-Covid-19 li l-għan tagħha huwa li tikkontrolla l-imxija u anke tipproteġi lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli.
Charmaine Gauci appellat lil dawk il-persuni li jbatu minn kundizzjonijiet (imsemmija aktar 'l isfel) biex ikellmu lit-tabib tagħhom qabel jersqu għall-vaċċin. Il-persuni li għandhom jitolbu pariri huma dawk li:
- ġieli batew minn allerġija severa jew inkella problemi respiratorji wara li ħadu tilqima (injection) oħra;
- ġieli ħasshom ħażin wara li ħadu injection;
- jkunu qed ibatu minn marda serja jew inkella infezzjoni li tikkawża deni qawwi; (min ikollu ftit deni jew inkella riħ ħafif xorta jista' jieħu l-vaċċin);
- għandhom problemi bid-demm, jitbenġlu malajr jew inkella li jinsabu fuq mediċina li tippreveni l-blood-clots;
- għandhom sistema immunitarja dgħajfa minħabba mard bħall-HIV jew inkella għax jinsabu fuq trattament bħall-kimoterapija.
Dawk li jbatu minn allerġiji minħabba l-ikel, kellhom allerġiji wara li ħadu xi mediċina jew inkella jbatu minn allerġiji ħfief jistgħu xorta waħda jserrħu rashom u jieħdu l-vaċċin.
It-tilqima għalissa mhux qed tingħata lil tfal taħt is-16-il sena jew inkella lil nisa tqal jew li qed ireddgħu. L-istudji f'dawn il-gruppi għadhom għaddejja.
Persuni li għandhom il-Covid-19 għandhom jistennew sitt ġimgħat, minn meta jfiequ, biex jieħdu t-tilqima.
Min ikun kwarantina wkoll għandu jistenna li jintemm dan il-perjodu mhux għax il-vaċċin mhux tajjeb għalihom imma għax ma jkunux jistgħu joħorġu f'dan il-perjodu.
"Saret ħafna riċerka fuq it-tilqima, hija sigura u taħdem. Nappella lil kulħadd biex jieħu l-vaċċin," insistiet Gauci.