Il-Maltin mhux razzisti, imma kważi terz ma jridux jgħixu ħdejn immigranti

Meta tistaqsi, iktar minn 82% tal-Maltin jgħidulek li mhumiex razzisti imma mbagħad kważi nofsna ma jridux lil uliedhom jiżżewġu xi immigrant u kważi terz lanqas iridu immigranti jgħixu ħdejhom. Aħna razzisti jew le?  L-ILLUM tanalizza n-numri u titkellem mal-Lettur Francois Mifsud...

Maġġoranza qawwija ħafna ta' Maltin ma jqisux lilhom infushom bħala razzisti u dan minkejja li fl-istess ħin jesprimu riservi lejn l-immigranti u l-immigrazzjoni, li probabbilment isibu l-għerq tagħhom fil-xenofobija jew nuqqas ta' għarfien dwar persuni ta' razzez differenti. 

Dan joħroġ b'mod mill-aktar ċar f'sondaġġ xjentifiku ikkummissjonat mill-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fl-Università ta' Malta li juri illi 82.5% ma jqisux lilhom infushom bħala razzisti.  Fil-fatt mis-600 persuna li pparteċipaw 56.9%, meta mistoqsijin, wieġbu li assolutament mhumiex razzisti, filwaqt li 25.6% qalu li mhumiex "daqstant" razzisti.  L-oħrajn - jiġifieri 17.5% - qalu li huma razzisti ħafna (2.5%) jew xi ftit razzisti (15%). 

Ir-razziżmu kien fuq nett tal-aġenda politika internazzjonalment wara l-qtil ta' George Floyd - meta dan kien taħt il-kustodja tal-pulizija -  u l-protesti, xi minn daqqiet vjolenti, li qamu wara u li seħħew fl-Istati Uniti u diversi pajjiżi oħrajn madwar id-dinja.

F'Malta wkoll fit-18 ta' Mejju 2019 inqatel immigrant  - Lassana Cisse Souleyman - minn persuni li sparaw minn karozza waqt li kienu qed isuqu fi Triq il-Ġebel, limiti ta' Birżebbuġa.  Wara ġew akkużati żewġ membri tal-Forzi Armati ta' Malta.  Dan ukoll qajjem għagħa  kbir fil-pajjiż bir-razziżmu mill-ġdid fuq fomm bosta u fit-titli ta' bosta gazzetti. 

Kważi nofs il-Maltin iktar jaraw l-immigranti bħala piż milli kontribut

Minkejja li allura maġġoranza qawwija tal-Maltin jgħidu li mhumiex razzisti, fl-istess ħin ħafna ma jarawx li dawn l-immigranti iktar jistgħu jgħinu milli jkunu ta' toqol għall-pajjiż. Fil-fatt 48.4% jaħsbu li l-immigranti iktar huma piż milli huma ta' kontribut għall-pajjiż.  Minn dawn, 30.4% qalu li 'assolutament ma jaqblux' li l-immigranti huma kontribut, filwaqt li 18% 'ma jaqblux'.  Minn naħa l-oħra kienu biss 5.5% li qalu illi jaqblu kompletament u 10.9% li jaqblu ma' din l-istqarrija. 

35.2% la jaqblu u lanqas ma jaqblux li l-immigranti huma aktar kontribut milli piż fuq is-soċjetà. 

Aktar minn hekk iżda u mill-ġdid minkejja li ħafna jgħidu li mhumiex razzisti, 48% ta' dawk li pparteċipaw f'dan is-sondaġġ jisħqu illi ma jaċċettawx li xi ħadd fil-familja tagħhom, bħal uliedhom, jiżżewġu immigrant Afrikan.  Meta mistoqsijin, 36.4% qalu li huma assolutament ma jaċċettawx li xi ħadd minn uliedhom jiżżewweġ immigrant, filwaqt illi 11.7% qalu li ma jaċċettawx.  Minn naħa l-oħra 30% qalu li jew assolutament jaċċettaw jew inkella li jaċċettaw dan. 21.8% baqgħu fin-nofs u qalu li la ma jaqblux u lanqas jaqblu li xi ħadd bħal binhom jew binthom tiżżewweġ immigrant Afrikan. 

Ir-razziżmu kulturali huwa aktar perikoluż minn dak ideoloġiku

Intant dwar dawn iċ-ċifri din il-gazzetta tkellmet mal-Lettur fl-Università ta' Malta fil-Fakultà tal-Edukazzjoni u li jispeċjalizza, fost suġġetti oħra, fl-Inklużjoni Francois Mifsud.  Mal-ILLUM Mifsud jgħid illi l-fatt li ħafna Maltin jiċħdu kategorikament li huma razzisti imma f'ċertu sens ta' attitudni juru mod ieħor huwa każ ċar ta' razziżmu kulturali. 

Mifsud mil-ewwel jgħid illi r-razziżmu kulturali huwa ħafna iktar perikoluż minn dak ideoloġiku.  "Għax inti hawnhekk għandek nies li qed jinnegaw r-razziżmu ideoloġiku - jiġifieri li jgħidu illi huma kontra diskriminazzjoni fil-konfront ta' persuna, għax għandha kulur differenti tal-ġilda. Imma fl-istess ħin iħaddnu l-istess stil ta' ħajja u ideat, mingħajr ma jafu."   

Mifsud għalhekk jispjega li r-razziżmu kulturali jidħol aktar fil-fond tal-ħajja tagħna u għalhekk jgħid li huwa iktar perikoluż u iktar diffiċli li jiġi indirizzat.  "Għax dan ifisser li inti tkun qed tħaddan dawn il-prinċipji razzisti mingħajr ma tkun ħsibt dwar l-attitudni tiegħek.  Għax dak ir-razziżmu huwa mwieled minn indifferenza jew nuqqas ta' ħsieb."

Dwar il-fatt li ħafna Maltin ma jkunux iridu lil uliedhom jiżżewġu immigrant Afrikan, forsi għax jirraġunaw illi huwa differenti, Mifsud ifakkar li anke Ingliż differenti.  "Għaliex niffukaw fuq l-iswed biss per eżempju?  Hemm raġuni storika għal dan," itemm jgħid. 

Terz tal-poplu ma jridx immigranti jgħixu ħdejh

Intant dan is-sondaġġ fittex li jifhem aħjar kif iħossuhom il-Maltin dwar l-immigranti madwarhom u anke fid-dinja tax-xogħol.  Hawnhekk naraw stampa xi ftit diversa, bil-poplu maqsum dwar dak li jaħseb fuq immigranti li jgħixu ħdejhom.  Mhux l-ewwel darba li jsir ħafna diskors dwar irħula fejn "ir-residenti ma jħossuhomx siguri" minħabba persuni barranin bl-aktar lokalitjiet li jissemmew ikunu l-Marsa, il-Ħamrun, Birżebbuġa u Buġibba - fejn il-popolazzjoni ta' residenti barranin hija akbar.  

Francois Mifsud
Francois Mifsud

Madanakollu 45.8% tal-Maltin ma jidhrux li għandhom problema li immigranti jgħixu ħdejhom, b'29.6% jgħidu li assolutament m'għandhom ebda problema u 16.2% jgħidu li ma għandhomx problema.

Minn naħa l-oħra ftit inqas minn terz tal-poplu jew 30.5% jgħidu li jkollhom problema, bi kważi 20% jgħidu li jkollhom 'problema kbira' li immigrant imur jgħix ħdejhom u 10.6% jgħidu li jkollhom 'problema'.

Maġġoranza relattiva ta' Maltin ma jaħsbux li l-immigrazzjoni hija r-raġuni ewlenija għal pagi baxxi

Narrattiva popolari oħra dwar l-immigranti hija li minħabba dawn il-persuni, li ħafna minnhom jiġu fl-Ewropa għax-xogħol, il-pagi qed jibqgħu baxxi u jitnaqqsu l-kundizzjonijiet, għaliex ħafna drabi l-aspettativa ta' tali immigranti ma tkunx daqstant għolja u jaċċettaw pagi jew kundizzjonijiet li mhux dejjem ikunu ottimi. 

Minkejja dan, maġġoranza relattiva ta' 41% ma jaqblux li l-immigrazzjoni hija l-akbar fattur li qed iwassal għal pagi baxxi fil-pajjiż.  Fil-fatt 27.1% assolutament ma jaqblux ma' dan l-assessjar tas-sitwazzjoni u 13.9% ma jaqblux. 

Minn naħa l-oħra 37.6% tal-parteċipanti qalu li jaqblu, b'25% jgħidu li jaqblu ħafna u 12.6% jgħidu li jaqblu. 

'Kliem bħall-'full up' jista' jistimola r-razziżmu'

Intant din il-gazzetta staqsiet lil Francois Mifsud dwar jekk jaħsibx li l-midja, tradizzjonali u anke soċjali kif ukoll il-politiċi humiex jgħinu biex ikunu amplifikati biżgħat jew inkella sentiment razzista fost il-popolazzjoni. 

Mifsud jaqbel u jgħid illi l-klassi politika u "ħafna mill-midja, imma mhux il-midja kollha" huma parti minn din il-kultura.  Huwa fakkar li d-deputati u kandidati jridu jassumu responsabilità ta' dak li jgħidu "u jiżnu kull kelma, għax kelma tista' tistimola r-razziżmu."

Kien hawn li l-lettur dar fuq il-Prim Ministru u għamel referenza għall-użu kontinwu ta' kliem bħal "full up" fl-aħħar ġimgħat.  "Forsi mingħajr ma jaf din tista' tistimola u tiġġustifika attitudni razzista." 

Huwa staqsa:  "Jekk aħna full up għaliex għadna qed inbiegħu ċ-ċittadinanza?  Jiġifieri qed ngħidu li aħna full up għal kategorija ta' nies, imma m'aħniex full up għall-kategorija l-oħra - għax għandha l-flus?" 

Dwar il-midja Mifsud fakkar li din għandha rwol importanti x'tilgħab u jeħtieġ li tkun iktar infurmata kif jinfirex ir-razziżmu permezz ta' artiklu - kif wara kollox ġieli ġara f'oqsma oħrajn bħal dak ta' persuni LGBTIQ jew fil-konfront ta' persuni b'diżabilità.

Riforma fl-edukazzjoni - iċ-ċavetta biex ikun miġġieled ir-razziżmu

Finalment il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Mifsud x'jaħseb li huwa l-għerq ta' dan is-sentiment razzist fost il-poplu.  Nuqqas ta' informazzjoni?  Injoranza kulturali? Mibgħeda?  Nuqqas ta' edukazzjoni? 

Mifsud huwa skjett fir-risposta tiegħu li l-għerq huwa n-nuqqas tal-edukazzjoni.  "Is-sistema edukattiva mhijiex tgħin għax qed tkun iffokata wisq fuq il-ħiliet (skills) u nsejna l-attitudni.  U jekk persuna jkollha ħafna ħiliet, imma attitudni ħażina lejn il-ħajja, mela dawk il-ħiliet ftit se jgħinu." 

Huwa jgħid li rbatna kollox max-xogħol u l-profitt biss u għalhekk Francois Mifsud saħaq illi hemm bżonn riforma radikali.  "Riforma li tieħu lis-sistema lura lejn l-attitudni dwar il-ħajja, imbagħad minn hemmhekk, iva, titkellem dwar il-ħiliet." 

More in Politika