Il-Kunsill Lokali tal-Fgura mnikket li d-destin tar-Razzett l-Antik huwa li jinqered

'Filwaqt li l-Kunsill Lokali tal-Fgura jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Qrati u tal-awtoritajiet kompetenti, ma jistax ma jesprimix id-diżappunt tiegħu li tali deċizjonijiet se jwasslu għal-qerda ta’ dan il-bini', sostna l-Kunsill Lokali

Ir-Razzett l-Antik, il-Fgura
Ir-Razzett l-Antik, il-Fgura

Il-Kunsill Lokali tal-Fgura fi stqarrija nnota b'dispjaċir li kollox jindika li d-destin tar-Razzett l-Antik huwa li jinqered.

"Wara li l-Kunsill Lokali kompla jieħu kull azzjoni possibli biex jigi salvat dan ir-razzett, fl-aħħar jiem irċieva żewġ deċizjonijiet li jkomplu jiftħu t-triq sabiex dan ir-razzett jispiċċa u jinqered darba għall-dejjem," sostniet l-istqarrija.  Il-Kunsill Lokali qal ukoll li l-Kunsill għamel talba għall-ħruġ ta' mandat ta' inibizzjoni biex iwaqqaf is-sidien tar-Razzett milli jwaqqu l-binja sakemm tkun determinata talba ġdida għall-iskedar, iżda l-Qorti ma laqgħetx din it-talba. 

Il-Kunsill Lokali qal ukoll li ikkomunika mas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti fejn ikkonfermaw id-deċizoni li ħadu fl-aħħar xhur li kienet tgħid li r-razzett ma’ jimmeritax li jiġi skedat.

"Filwaqt li l-Kunsill Lokali tal-Fgura jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Qrati u tal-awtoritajiet kompetenti, ma jistax ma jesprimix id-diżappunt tiegħu li tali deċizjonijiet se jwasslu għal-qerda ta’ dan il-bini li jinkludu l-karatteristiċi u l-identita’ storika tar-razzett fil-Fgura, l-awtentiċita tal-post bħala l-uniku razzett li jirrappreżenta l-oriġini tal-lokalita’, kif ukoll il-post li jinsab fil-punt minn fejn twieldet il-Fgura."

"Il-Kunsill Lokali huwa tassew imnikket b'dawn l-iżviluppi," temm jgħid il-Kunsill Lokali.

More in Politika