204 każi pożittivi ta' Covid-19 minn fost 45,000 student

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jisħaq li jekk hemm xi ħaġa li fiha l-Gvern ta’ prova tal-għaqal u s-serjetà tiegħu, kienet il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal mal-gazzetta ILLUM li meta wieħed jieħu ċ-childcare centres, l-iskejjel kollha, kemm tal-Gvern u anke dawk li mhumiex u l-istituzzjonijiet terzjarji, minn meta fetħet mill-ġdid l-iskola kien hemm 204 każi pożittiv ta’ Covid-19 fost l-istudenti.

“F’kull każ ittieħdu l-mizuri kollha neċessarji minn uffiċjal, magħruf bħala COVID-19 liason officer, li jinsab f'kull skola,” saħaq il-Ministeru.  Apparti dawn, kien hemm ukoll 112-il każ ieħor pożittiv ta’ edukaturi (inklużi care-workers u playworkers).

Mill-bqija tal-istaff fl-iskejjel jew l-istituzzjonijiet il-Ministeru qal illi kien hemm 17-il każ ieħor pożittiv.

Madanakollu, u dan kien ikkonfermat mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, ma kien hemm l-ebda każ ta’ trasmissjoni tal-virus fost l-istudenti infushom. “Dan ma sarx b'kumbinazzjoni imma sforz tal-ħidma u attenzjoni tal-edukaturi tagħna,” insista l-Ministeru                                                                    

Il-Ministru Owen Bonnici
Il-Ministru Owen Bonnici

Fit-tweġiba tiegħu lill-ILLUM, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici saħaq li wieħed irid jieħu dawn in-numri f’kuntest ukoll.

Il-Gvern waħdu għandu iktar minn 100 skola.  

B'kollox, qed nitkellmu dwar medja ta' 45,000 student li jmorru l-iskola kuljum u 11,000 edukatur li jmorru għax-xogħol fl-iskejjel taghna.  

Mhux qed insemmi l-ħaddiema l-oħra tal-iskejjel, li meta tgħodd kollox flimkien faċilment tqarreb l-ammont ta' 65,000 persuna li jmorru fl-iskejjel tagħna kuljum biex jaħdmu jew jitgħallmu.  U hawnhekk mhumiex inklużi ċ-childcare centres, l-istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji li jilqgħu fihom eluf oħra ta' studenti, letturi u ħaddiema. 

Propju għalhekk li saħaq li jekk hemm xi ħaġa li l-Gvern ta' prova, skont hu, kienet l-għaqal u s-serjetà tiegħu fil-ftuħ mill-ġdid tal-Iskejjel.

“Waqt li fis-sajf kien hemm min prova jaqta' qalb l-edukaturi u l-ħaddiema tagħna fl-iskejjel, aħna ġbidna ħabel wieħed mal-istakeholders u ftaħna l-iskejjel b'mod sostenibbli, jiġifieri b'miżuri li wasslu biex l-iskejjel jibqgħu miftuħin.  Waqt li ta' kuljum nisimgħu aħbarijiet minn barra minn pajjiżna fejn dik l-iskola jew dik l-istituzzjoni għalqet, aħna bqajna għaddejjin biex l-edukazzjoni tkompli tingħata bl-aqwa mod, jiġifieri fil-klassi,” insista l-Ministru.

Fakkar li l-Gvern alloka €26 miljun biex introduċa l-protokolli fl-iskejjel u anke xejn inqas minn 50 miżura li l-għan tagħhom huwa li jimminimizza r-riskji ta’ trasmissjoni.

“Aħna konna cari mill-bidu nett li ladarba hemm il-COVID-19 fil-komunità ma tistax tistenna li ma jkunx hemm każijiet ta' COVID-19 f'xi skola jew oħra.  Li però jista' jsir hu li jitnaqqas ħafna r-riskju ta' trasmissjoni,” kompla l-Ministru.

“L-ikbar sodisfazzjoni li tieħu huwa li tisma' ġenituri, opinjonisti u anke professjonisti medici jfaħru s-serjetà li hemm fl-iskejjel.” 

More in Politika