Il-Kurja tal-Arċisqof ħabbret sett ġdid ta' miżuri għall-knejjes u għal waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, inkluż il-funerali u dan hekk kif il-każi ġodda ta' Covid-19 qed ikomplu jiżdiedu.
Fost oħrajn, il-Kurja qed tappella biex fejn possibbli, persuna tuża l-maskra u mhux visor u dan għax skont l-awtoritajiet tas-saħħa, din tista' toffri aktar protezzjoni mill-visor.
Jibqgħu fis-seħħ ukoll miżuri oħra importanti, fosthom:
- It-teħid tat-temperatura, inkluż għal min ikun se jagħti servizz. Jiġi applikat is-sanitizer.
- Is-saċedot għandu jkun liebes maskra l-ħin kollu, kemm fil-knisja u anke fis-sagristija. Iċ-ċelebrant jista' jneħħi l-maskra meta jkun fuq il-presbiterju waqt li jmexxi ċ-ċelebrazzjoni.
- Operaturi pastorali li huma vulnerabbli ma jagħtux servizz, speċjalment fl-oqsma fejn jiġu f'kuntatt mill-qrib ma' persuni oħra, bħat-tqarbin.
- Hu ppreferut li l-quddiesa tkun animata b'mużika strumentali. Meta jkun xieraq li jsir il-kant, l-ewwel preferenza għandha tkun għal solist akkumpanjat minn xi mużiċist. Jekk ikun hemm aktar minn solist, dawn ma għandhomx ikunu aktar minn sitta u għandhom iżommu d-distanza ta' 2.5 metri minn xulxin.
Funerali
Il-kurja kkonfermat ukoll li funerali praesente cadavere jistgħu jsiru, anki għall-vittmi tal-Covid-19, kemm-il darba jitħarsu dawn id-direttivi dwar ċelebrazzjonijiet liturġiċi kif ukoll dawk tal-Awtorità tas-Saħħa, inkluż dwar id-distanza soċjali.
Apparti dawn, għall-funerali ta' persuni li jkunu mietu bil-Covid-19, qed jingħata l-permess li t-tebut ikun mgħotti b'faldrappa pulita u li anke flok jintrefa, it-tebut jitpoġġa fuq ir-roti.
Direttivi oħra, fosthom dawk dwar it-tindif tas-siġġijiet u l-bankijiet jibqgħu fis-seħħ.
Aqra hawn id-direttivi kollha.