'Il-Covid mhux se joqtol il-Milied' - Parkeġġ b'xejn għal min jidħol il-Belt

Anke jekk mhux se jsiru attivitajiet tal-massa, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tħabbar verżjoni kkontrollata tal-attività ta' Lejlet l-Ewwel tas-Sena

"Il-Covid-19 mhux se joqtol il-Milied." Hekk saħaq iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, hekk kif illum tnieda l-programm ta' "Christmas in the City," li jinkludi xahar sħiħ ta' attivitajiet u inizjattivi bil-għan li l-Belt Valletta tinżamm ħajja u bħal dejjem toffri l-aqwa u l-aħjar għal Milied.

Fil-fatt, ftit tal-ġimgħat, ilu, f'intervista mal-gazzetta ILLUM, Azzopardi saħaq li jekk mhu se jsir xejn fil-Belt Valletta għal żmien il-Milied u n-negozji ma jirkuprawx, dawn se jfallu. Fi kliemu, in-negozji fil-Belt ma jaffordjawx jitilfu l-Milied.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli spjegat kif fost inizjattivi oħra, il-parkeġġ fl-MCP għal dawk kollha li jidħlu jixtru mill-Belt, bejn it-8 ta' Diċembru u l-aħħar tas-sena, se jkun b'xejn.

Apparti minn hekk, tħejja programm ta' ativitajiet li se jkun qed jibda mill-20 ta' Novembru sal-aħħar tas-sena.

"Il-Covid-19 mhux se joqtol il-Milied. Irridu li l-ispirtu tal-Milied jibqa' ħaj," saħaq Jason Micallef.

Fil-fatt, it-toroq prinċipali tal-Belt Valletta, Repubblika, Merkanti u Pjazza San Ġorġ, fost oħrajn, se jkunu mżejna bħal dejjem bl-armar tal-Milied. Fi Pjazza San Ġorġ se jkun hemm presepju u anke projection mal-ħajt tal-palazz. Presepju ieħor se jkun qed iżejjen Pjazza La Valette.

Se jkun hemm ukoll korijiet ta' tfal u anke korijiet tal-kbar li se jkunu qed iżidu mal-atmosfera fit-toroq tal-Belt Valletta. Se tittella' wkoll Opra li fiha se jieħu sehem il-kantant rinomat internazzjonalment, Nico Darmanin.

Micallef spjega kif il-programm mhux se jinkludi attivitajiet tal-massa u l-Aġenzja Kulturali għall-Belt Valletta se tkun qed tħabbar ukoll "verżjoni kkontrollata" tal-attività ta' lejlet l-ewwel tas-sena.

Għaddejin ukoll diskussjonijiet bil-għan li l-ħwienet jibqgħu aktar miftuħa.

Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll preżenti l-Ministru Jose Herrera u Gavin Gulia, Chairperson tal-MTA.

More in Politika