Għadha miftuħa inkjesta dwar irregolaritajiet fil-Lands fi żmien Jason Azzopardi

Jason Azzopardi jinsisti li l-inkjesta mhijiex dwaru u li hu ma kellu xejn x'jaqsam ma' tender li ħareġ fl-2011

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li huwa marbut intrinsikament mal-ġlieda favur is-Saltna tad-Dritt u Avukat għall-familja Caruana Galizia, qiegħed f’nofs kontroversja marbuta ma’ inkjesta kriminali dwar korruzzjoni u frodi fid-Dipartiment tal-Artijiet u dan meta hu kien Segretarju Parlamentari fl-2013.

Fil-fatt, fid-9 ta’ Mejju 2013 kienet infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa, Giovanni Grixti dwar frodi,miżaproprijazzjoni u korruzzjoni, fost oħrajn, b’rabta ma’ deċiżjonijiet li ttieħdu mid-Dipartiment tal-Artijiet li kien jaqa’ taħt ir-responsabbilità tas-Segretarjat Parlamentari li kien imexxi Jason Azzopardi fi żmien l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi. 

L-inkjesta inkwistjoni tikkonċerna deċiżjonijiet marbuta ma’ art pubblika li kienet ingħatat lil persuni li għandhom djar f’Għajn Dwieli, kostitwenza ta’ Jason Azzopardi.

L-ispettur li kien ħadem fuq dan ir-rapport kien Jonathan Ferris li huwa magħruf għall-fatt li kien telaq mill-Korp tal-Pulizija u mar jaħdem mal-FIAU, l-Aġenzija għall-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus, sakemm tneħħa.

Iżda l-aktar ħaġa surreali hija kif waqt li l-inkjesta kienet għadha miftuħa u Ferris ressaq ir-rapport, li seta’ u jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-karriera politika ta’ Jason Azzopardi, Ferris spiċċa rrikorra għand l-istess Azzopardi biex dan ikun l-avukat tiegħu. 

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, Ferris kkonferma li kien ġie mqabbad mill-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien biex jaħdem dwar rapport li kien sar dwar għoti ta’ art pubblika lill-privat.

Ferris qal: “Niftakar li fil-bidu ta’ Mejju 2013, is-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia kien ġie d-Depot għand il-Kummissarju Peter Paul Zammit, b’rapport intitolat: Rapport li l-Lands u l-MEPA kienu b’mod irregolari trasferixxu u approvaw żvilupp mill-privat fuq art tal-Gvern, liema art skont dan ir-rapport, ma setgħetx tinbigħ jew tiġi akkwistata mill-privat. Il-Kummissarju kien bagħat għalija u inkarigani bill-każ ... Jien tlabt il-ftuħ ta’ Inkjesta Maġisterjali u din infetħet fid-9 ta’ Mejju 2013 mill-Maġistrat G. Griscti.”

Ferris ikkonferma wkoll li meta kien għadu spettur, Jason Azzopardi kien l-avukat tiegħu. Minkejja l-fatt li Jason Azzopardi kien politikament responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet,  Ferris ma sab l-ebda raġuni għaliex Azzopardi kellu jigi mistoqsi.

"Sa dakinhar li jien xehedt f’Lulju 2014, Dr Azzopardi ma kienx l-avukat tiegħi. Huwa sar l-avukat tiegħi lejn l-aħħar tal-2016, sentejn u nofs wara li jien xehedt u tliet snin u nofs wara li bdiet l-inkjesta msemmija. Miegħu la tkellimt u lanqas kelli għalfejn nitkellem fuq din l-inkjesta, qatt, għas-sempliċi raġuni li lanqas biss tikkonċernah. Sakemm spiċċajt mill-Korp tal-Pulizija, fl-20 ta’ Mejju 2017, nista’ ngħidlek li lanqas iż-żewġ Magistrati Inkwirenti (la l-Magistrat Griscti u lanqas il-Maġistrat Monica Vella), qatt ma ħassew il-ħtieġa jew taw struzzjonijiet lill-Pulizija, biex jixhed Azzopardi, tant kemm ma kellu ebda sehem.”

Jonathan Ferris ma spjegax għaliex inkjesta bħal din ma kellix minn tal-inqas tħares lejn min kien responsabbli. 

“Sa fejn nista’ niftakar, jien tajt ix-xhieda tiegħi quddiem il-Magistrat Inkwirenti fit-22 jew 23 ta’ Lulju 2014. Sa dakinhar li xehedt fl-2014  u sa dakinhar li spiċċajt mill-Korp f’Mejju 2017 niftakar li l-Pulizija ma kienet sabet ebda traċċi ta’ xi reat, irregolarità jew illegalità f’dan il-każ.”

Kif wieġeb Jason Azzopardi?

Il-gazzetta ILLUM tkellem ukoll ma’ Jason Azzopardi li kkonferma li kien deher quddiem il-Maġistrat Monica Vella wara li kien għamel rikors.

Huwa qal hekk: “Jien xehedt quddiem il-Maġistrat Monica Vella fl-2015 u infurmajtha b’dan kollu kif ukoll li: 

  • jiena ma kelli ebda sehem fl-2011 biex ħareġ dan it-tender fuq talba tar-residenti ħlief li bħala Segretarju Parlamentari, kif kien dmiri, approvajt is-sejħa tal-Lands fil-Gazzetta tal-Gvern ... skont il-proċeduri normali;
  • id-dipartiment tal-artijiet, biex jiżgura li kull min seta’ japplika jkun infurmat, bagħat ittra, li jiena mingħalija kont approvajt, lil kul kull resident ta’ dik il-parti tat-triq, għax ftit huma r-residenti li jaqraw kuljum il-Gazzetta tal-Gvern. Ma kien hemm ebda obbligu fuq id-Dipartiment tal-Artijiet li jagħmel dan imma kienet xi ħaġa ġusta u għaqlija biex ħadd ma jkun jista’ jgħid li ma kienx jaf. Hekk jagħmel min iħobb it-trasparenza u jobgħod il-ħabi; u 
  • Mhux ir-residenti kollha ta’ dik il-parti tat-triq kienu applikaw għax kienu lmentaw li l-prezz tal-Landa kien għoli wisq.”

Azzopardi insista li hu qal lill-Maġistrat li kien se jibqa’ għad-dispożizzjoni tagħha. “Qaltli li kienet tiddubita ħafna li jkollha bżonni fil-futur għax l-inkjesta ma kinitx dwari u li ma kien jidher xejn irregolari,” insista Azzopardi.

Azzopardi kif wieġeb waqt il-programm XTRA?

Il-Ħamis li għadda, waqt il-programm XTRA, id-Direttur Maniġerjali ta’ MediaToday, Saviour Balzan, staqsa lill-istess Azzopardi jekk kienx konxju ta’ din l-inkjesta u r-responsabbilità politika marbuta magħha. Minflok wieġeb, Azzopardi qal lil Balzan biex jistaqsi dwar l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi.

Iżda Balzan kkonfronta lil Azzopardi biex iwieġeb jekk kienx konxju tar-responsabbilità politika li għandha tinġarr jekk din l-inkjesta tinqata’ kontra d-Dipartiment tal-Artijiet u li saħansitra tista’ twassal għar-riżenja tiegħu bħalma kellu jagħmel il-Ministru Michael Falzon minħabba l-każ ta’ Gaffarena.

Iżda Azzopardi insista li hemm differenza “lampanti” meta inkjesta tkun dwar dekasteru jew meta tkun dwar persuna.

Mal-ILLUM huwa qal ukoll li wara l-programm Xtra, hu kiteb lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex jistaqsi dwar l-inkjesta u wieġbu li din għadha mhux konkluża u ma waslitx għandu. 

Ir-rikors li kien ippreżenta Azzopardi biex jixhed fl-inkjesta
Ir-rikors li kien ippreżenta Azzopardi biex jixhed fl-inkjesta
Ir-rikors li kien ippreżenta Azzopardi biex jixhed fl-inkjesta
Ir-rikors li kien ippreżenta Azzopardi biex jixhed fl-inkjesta

Ir-risposta sħiħa ta' Jason Azzopardi:

Ninnota bi pjaċir li qed tikkwota preċiż it-titlu ta’ inkjesta miftuħa f’Mejju 2013 li ma ssemmi imkien lili. Ninnota wkoll l-istess akkuża falza u żbaljata li saret kontrija minn Simon Mercieca fl-aħħar ġimgħat fuq Facebook u minn sezzjoni partikulari ta’ nies fuq Facebook waqt il-kampanja għall-elezzjoni tal-Kap tal-PN ftit gimgħat ilu. 

Nieħu gost ninnota li r-responsabilità tiegħi f’dan il-każ kienet li għamilt is-sewwa. Tant kemm hu hekk li wara li jien stess, minn jeddi, tlabt li nixhed fl-Inkjesta fl-2015, ħadd ma talabni nerġa’ nixhed: sinjal ċar li anke l-Maġistrat hija ċerta li jien imxejt sew.

Il-fatti kif nafhom u niftakarhom:

Mingħalija fis-sajf tal-2013 kont ġejt infurmat li kienet bdiet Inkjesta Magisterjali mill-Maġistrat Griscti fuq rapport li kien sar mis-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia f’Mejju 2013 (li kien irċieva rapport minn uffiċjal għoli tal-PL) li tikkonċerna xi residenti tal-parti ta’ fuq ta’ Cospicua Road, Paola, għax fl-2011, fuq talba tagħhom, il-Lands kien ħareġ public tender biex jixtru biċċa art warajhom (biswit il-Moskea) ħalli jkollhom buffer zone. Tali rapport kien ċar li kien fażull.

Meta kien ħareġ dan il-public tender fl-2011, u ippubblikat mill-Lands fil-Gazzetta tal-Gvern, kien hemm kundizzjoni li ma setax isir żvilupp u li r-residenti ma setghux jixtru l-arja tal-art biex b’hekk din tibqa’ tal-Lands.

Meta ġejt infurmat minn żewġ Deputati Laburisti li dan il-każ kien se jintuża kontrija bħala ballun politiku u rajt li sal-2015 il-Maġistrat Inkwirenti (li fl-2015 kienet Monica Vella għax il-Griscti sar Imhallef) ma kinitx kelmitni, ħadt jien l-inizjattiva u ippreżentajt rikors fl-2015 biex nitlobha tibgħat għalija ħalli nixhed bil-ġurament. 

Ħassejt li f’sentejn kien hemm żmien biżżejjed biex żewġ Maġistrati jibagħtu għalija, kieku riedu. Hekk jagħmel minn m’għandux faħam miblul. Nistiednek tara kemm hawn politici, miż-żewġ partiti, li fl-aħħar xhur kienu huma li talbu li jixhdu minn jeddhom f’Inkjesti Maġisterjali li huma dwarhom fuq ħasil ta’ flus u korruzzjoni. M’hemm ħadd.

Jien xehedt quddiem il-Maġistrat Monica Vella fl-2015 u infurmajtha b’dan kollu kif ukoll li: 

  • jiena ma kelli ebda sehem fl-2011 biex ħareġ dan it-tender fuq talba tar-residenti ħlief li bħala Segretarju Parlamentari, kif kien dmiri, approvajt is-sejħa tal-Lands fil-Gazzetta tal-Gvern ... skont il-proċeduri normali;
  • id-dipartiment tal-artijiet, biex jiżgura li kull min seta’ japplika jkun infurmat, bagħat ittra, li jiena mingħalija kont approvajt, lil kul kull resident ta’ dik il-parti tat-triq, għax ftit huma r-residenti li jaqraw kuljum il-Gazzetta tal-Gvern. Ma kien hemm ebda obbligu fuq id-Dipartiment tal-Artijiet li jagħmel dan imma kienet xi ħaġa ġusta u għaqlija biex ħadd ma jkun jista’ jgħid li ma kienx jaf. Hekk jagħmel min iħobb it-trasparenza u jobgħod il-ħabi; u 
  • Mhux ir-residenti kollha ta’ dik il-parti tat-triq kienu applikaw għax kienu lmentaw li l-prezz tal-Landa kien għoli wisq.”

Offrejtilha li nibqa’ għad-disposizzjoni tagħha jekk u meta jkollha bżonni. Il-Maġistrat Inkwirenti qaltli li kienet tiddubita ħafna li jkollha bżonni fil-futur għax l-Inkjesta ma kinitx dwari u li ma kien jidher xejn irregolari.

Sal-lum, ħadd la Pulizija u lanqas il-Maġistrat Inkwirenti ma reġgħu kelmuni. Ninsab infurmat informalment ukoll li fl-aħħar ħames snin ma nstemgħu ebda xhieda f’din l-inkjesta.

Ninfurmak li eżatt wara l-programm Xtra, jien ktibt lill-Uffiċċju tal-AĠ u tlabt informazzjoni dwar x’sar minn din l-Inkjesta wara 7 snin. Ġejt awtorizzat ukoll nirriproduċi l-kontenut tar-risposta tal-Uffiċċju tal-AĠ: 

“Dr Azzopardi, Nista’ nikkonferma li l-inkjesta li tikkonċerna rapport li l-Lands u l-MEPA kienu irregolarment trasferixxew u approvaw żvilupp mill-privat fuq art tal-Gvern liema art skont dan ir-rapport ma setgħetx tinbigħ jew tiġi akkwistata mill-privat miftuħa fid-9 ta’ Mejju 2013, għadha ma gietx konkluża u ma ntbagħtitx lill-Avukat Ġenerali. L-Avukat Ġenerali ma għandu l-ebda poter fil-liġi jesiġi li l-Magistrat li jkun qed jidderiġi l-inkjesta jagħlaqha. Madanakollu, ġentilment ninfurmak li sa issa ġew ippreżentati seba’ rikorsi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, permezz ta’ liema, fit-termini tal-artikolu 550A tal-Kodici Kriminali, il-Magistrat kienet mitluba tinfurmana bir-raġunijiet ta’ dewmien fl-għeluq tal-imsemmija inkjesta maġisterjali. L-aħħar rikors ġie ppreżentat nhar l-4 ta’ Novembru 2020. F’dawn iċ-ċirkostanzi ma nemminx li jkun opportun li jerġa’ jiġi ppreżentat rikors ieħor in vista tat-trapass ta’ jumejn biss mill-aħħar rikors ippreżentat. Nassigurak li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali se jibqa’ jsegwi l-iżvillupi f’dan il-każ.”

More in Politika