Grech u l-PN fuq quddiem f'Għawdex; Il-Prim Ministru jżid fil-fiduċja

Minkejja li fadallu ħafna x'jaqdef, dan kien l-aqwa riżultat li kiseb il-PN fi tliet snin

L-aħħar sondaġġ politiku tal-MaltaToday, ippubblikat ilbieraħ, jagħti ftit tan-nifs lill-Partit Nazzjonalista, b’mod partikolari f’Għawdex, fejn għall-ewwel darba wara xhur, il-PN qabeż lill-Partit Laburista.

Fil-fatt, mistoqsija kif jivvutaw kieku kellha ssir votazzjoni għada, 50.6% tal-Għawdxin li ħadu sehem għażlu lill-Partit Nazzjonalista filwaqt li kienu 27.8% li għażlu lill-Partit Laburista.

Anke meta mistoqsija lil min jafdaw l-aktar bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, 45.5% tal-Għawdxin għażlu lil Grech, filwaqt li 38.2% għażlu lil Abela.

Minkejja li l-Partit Laburista għadu fuq quddiem u skont is-sondaġġ, jekk issir elezzjoni għada, id-distakk bejn il-partiti jkun ta’ 11.8%, dan kien l-aqwa riżultat li kiseb il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar tliet snin. 

Dan ifisser illi li kieku kellha ssir elezzjoni, il-Partit Laburista jirbaħ b’distakk ta’ 38,000. 

Meta mqabbel mas-sondaġġ tax-xahar li għadda, il-Partit Laburista żied l-appoġġ b’4% u dan wara li kien ilu jnaqqas minn Lulju, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista żied l-appoġġ tiegħu bi ftit aktar minn 2%.

Apparti Għawdex, meta wieħed iħares lejn ir-reġjuni, il-Partit Nazzjonalista, b’41.1% jaqbeż lill-Partit Laburista (36.4%) fir-reġjun tal-Punent, li jinkludi lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin, Ħal Lija, ir-Rabat, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ. 

Fir-reġjuni l-oħra, il-Partit Laburista jinsab fuq quddiem, bl-aħjar riżultat (58.1%), kif mistenni, jkun dak fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Port, li jinkludi l-Kottonera, il-Belt, il-Ħamrun, Raħal Ġdid, Ħaż-Żabbar, Ħal Tarxien u lokalitajiet oħra.

Il-Partit Nazzjonalista jżomm ukoll l-appoġġ ta’ 81.4% ta’ dawk li fl-aħħar elezzjoni vvutaw lilu. Dan kien l-aħjar riżultat sa issa, iżda jibqa’ l-fatt li l-PN ikompli jitlef il-voti għall-Partit Laburista, tant li, skont is-sondaġġ, 3.3% ta’ dawk li fl-aħħar elezzjoni vvutaw PN, issa se jivvotaw lill-Partit Laburista.

Mill-banda l-oħra, il-PL tilef biss 1.2% tal-votanti li issa se jivvotaw lill-PN. 

Il-mexxejja kif sejrin?

Is-sondaġġ wera wkoll kif il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ żied fil-fiduċja wara li kien ilu minn Lulju jnaqqas ftit ftit.

Fil-fatt, it-trust-rating ta’ Abela bħalissa huwa ta’ 48.4%.

Interessanti kif Bernard Grech issa jgawdi l-appoġġ ta’ 90.4% ta’ dawk li qed jgħidu li se jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista, għal kuntrarju ta’ dak li kien qed jiġri fi żmien Adrian Delia. 

Intant, it-trust-rating ta’ Grech huwa ta’ 31.5%, fejn kien hemm żieda żgħira 0.6% fuq ix-xahar li għadda.

Dan ifisser li d-differenza fit-trust-rating ta’ bejn il-mexxejja hija ta’ ta’ 17%. Ix-xahar li għadda kienet ta’ 16%.

Apparti Għawdex, il-Prim Ministru huwa fdat aktar minn Grech fir-reġjuni kollha.

Abela huwa fdat ukoll ħafna aktar minn Grech fost dawk li għandhom bejn 18 u 35 sena, fejn id-differenza fit-trust-rating hija ta’ 15% u ħafna aktar fost l-anzjani, fejn id-differenza hija ta’ 23%

More in Politika