Cyrus Engerer jitfa' n-nomina biex jimtela' post Miriam Dalli fil-Parlament Ewropew

Fl-elezzjoni tal-2019, Engerer kiseb 5,394 vot fl-ewwel għadd

Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li Cyrus Engerer tefa' n-nomina għall-elezzjoni każwali biex jimtela l-post ta’ Membru Parlamentari Ewropew wara r-riżenja ta' Miriam Dalli 

L-għadd tal-voti ta' din l-elezzjoni se jsir il-Kumpless tal-Għadd tal-Voti, in-Naxxar, nhar il-Ħamis il-5 ta’ Novembru, 2020, mid-9.30am ’l quddiem.

Dalli rriżenjat mill-Parlament Ewropew hekk kif ġiet eletta permezz ta' co-option fil-Parlament Malti wara r-riżenja tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat minn Deputat.

Fl-elezzjoni tal-2019 Miriam Dalli kienet kisbet l-akbar numru ta' voti mill-kandidati kollha ta' din l-elezzjoni.  Fil-fatt hija kisbet 63,438 vot b'Roberta Metsola warajha imma b'ħafna inqas voti:  38,000 vot. 

Engerer kiseb 5,394 vot fl-ewwel għadd filwaqt illi wiret 2,200 vot minn Dalli li ġiet eletta mal-ewwel għadd.  

Qabel Engerer ġew eletti Alfred Sant li kiseb 26,592 vot fl-ewwel għadd u wiret 10,527 mingħand Dalli, Alex Agius Saliba li kien elett b'18,808 voti u li wiret 4,463 vot minn Miriam Dalli, filwaqt li r-raba' persuna li kienet eletta f'isem il-Partit Laburista kienet Josianne Cutajar li ġiet eletta bi 15,603 voti fl-ewwel għadd u li wirtet 5,661 vot minn Dalli. 

More in Politika