Analiżi | L-ewwel test ta' Bernard: Se jimpressjona jew jiddiżappunta?

Illejla - ġimgħa wara l-baġit  - il-Kap tal-Oppożizzjoni se jagħti l-ewwel diskors twil tiegħu li huwa wkoll avveniment annwali għal kull Kap tal-Oppożizzjoni.  Imma fuqhiex jeħtieġ jaħdem jekk irid jimpressjona?  U x'jista' jagħmel biex jiddiżappunta?  L-ILLUM tanalizza ... 

Illejla Bernard Grech se jkollu l-ewwel test tiegħu f'termini ta' diskors pubbliku - li probabbli jkunu qed jarawh eluf ta' nies, inkluż persuni li m'għandhomx l-intenzjoni jivvutawlu u ħafna oħrajn li għadhom ma  jafux kif se jivvutaw.  Id-diskors ta' madwar sagħtejn u nofs fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija se jkun iġġudikat fuq tliet affarijiet importanti għal kull Kap tal-Oppożizzjoni u politiku:  L-ewwelnett:  Kritika lejn il-programm finanzjarju u ekonomiku tal-Gvern.  It-tieni: Viżjoni, miżuri u programm alternattiv għal dak tal-Gvern u finalment it-tonalità u preżentazzjoni tal-istess diskors.  

F'dan l-ispazju il-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn liema huma l-aktar punti importanti li se jiddeterminaw jekk it-Tnejn filgħaxija Grech hux se jimpressjona jew inkella hux se jiddiżappunta f'dan l-ewwel test kruċjali għalih.  

Baġit li huwa għadma iebsa għalih 

Kien ikun aktar faċli għal Bernard Grech li kieku l-baġit kien mimli taxxi u miżuri li jieħdu l-flus, li naturalment iqajmu rabja u tħassib fost il-popolazzjoni.  Il-fatt li ma kienx jagħmilhielu ħafna aktar diffiċli biex jimpressjona lill-udjenza tiegħu.  

Fil-fatt matul il-ġimgħa wieħed seta' jinnota illi l-PN ftit li xejn ikkritika miżuri individiwali mill-baġit u minflok ikkritika dak li sejjaħ bħala nuqqas ta' viżjoni għall-futur.  Jekk wieħed jindividwa numru ta' miżuri se jsibha diffiċli ferm li jikkritika n-natura tagħhom apparti li forsi huma "tal-mument" u huma biss injezzjoni biex jiżdied il-konsum għal ftit ġimgħat jew xhur.  

Il-problema ta' Grech hija li ma jistax jidher daqslikieku huwa kontra miżuri bħall-vouchers u ċekkijiet li fl-aħħar mill-aħħar, lilhinn minn jekk jiddependux minnhom jew le, kulħadd jieħu gost  bihom.  

Jekk Grech irid li jissorprendi jrid jagħmel tiegħu wkoll dawn il-miżuri u jambraċċahom daqslikieku għamilhom hu.  Jekk jieħu t-triq li forsi tinżel tajjeb ma' wħud mill-għeruq tal-PN illi jarmi dawn il-miżuri bħala "bżar fl-għajnejn" u "mezz kif tixtri l-voti" jkun qed jagħmel l-istess żball li għamlu l-predeċessuri tiegħu u jissottovaluta kemm hemm persuni - inkluż votanti tal-PN stess - li japprezzaw dawn it-tip ta' miżuri, b'mod speċjali dik tal-Wage Supplement li wara kollox qed isservi biex issalva eluf impjiegi.  

Għalhekk hija għadma iebsa għal Grech għaliex irid jilħaq bilanċ bejn tifħir ta' miżuri milqugħin mill-Korpi Kostitwiti kważi kollha u fl-istess ħin jgħid x'jista' jagħmel aħjar.  

Kif kien itejjeb il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż?  X' miżuri finanzjarji oħrajn kien iwettaq biex in-negozji li għaddejjin ħażin jirkupraw aktar malajr?  Kif se jiftaħ aktar fuq miżuri bħal tal-kirjiet għal negozji msemmija fir-rapport ta' qabel il-Baġit tal-PN?  

Fil-fatt Grech għandu jiftaħ ħafna aktar fuq dawn il-proposti li tpoġġew taħt id-dell tal-baġit innifsu u jgħid kif għandhom isiru, kemm jiswew u jekk hemmx miżuri simili li saru barra minn  Malta u kif ħadmu.  

Parti mis-soluzzjoni elettorali ta' Joseph Muscat kien li bena immaġini u kkonvinċa lill-eluf ta' negozjanti, fotshom dawk kbar, illi bih fil-Gvern mhux talli jistgħu jibqgħu joperaw b'kumdità talli se jagħmlilhom ħajjithom faċli (hawn min jgħid li għamilhielhom faċli iżżejjed!) biex ikomplu jespandu.  

Grech għandu ċans li juri illi jekk ikun hu fil-Gvern - anke jekk iċ-ċans huwa żgħir ħafna -  negozju jista' jopera, jikber u jsib lill-awtoritajiet fuq in-naħa tiegħu mhux kontrih.   

Kliem fl-ajru mhux se jkun biżżejjed 

Il-kliem sabiħ u klixès kienu sbieħ biex Grech jirbaħ bil-kbir fost is-settur ta' votanti li huma tesserati tal-Partit Nazzjonalista, imma mhux se jkunu biżżejjed biex jibda jirbaħ il-fiduċja tal-poplu.  

Huwa vera li l-Prim Ministru għamel żball strateġiku oħxon  meta stqarr ċerti affarijiet bħal "mewġ fil-baħar" u l-"l-gwerra intrebħet."  Imma dan mhux se jkun biżżejjed biex in-nies iħossu li Bernard Grech huwa alternattiva serja.  "Ngħidu l-verità lin-nies" hija bidu tajjeb imma f'sagħtejn u nofs diskors Grech ma jistax jeħel ma' din u kif diġa għidna se jkollu jagħmel proposti b'mod aktar ċar - anke jekk jirċievi kritika.  

Per eżempju hemm bżonn jispjega għalfejn hu qal (meta mistoqsi minn Quinton Scerri nhar il-Ħadd  li għadda) li jaqbel ma' miżura li permezz tagħha l-pajjiż jagħlaq għal ftit żmien sabiex in-numri tal-Covid-19 jinżlu.  Għalfejn iħoss li din alternattiva tajba?  Saret f'pajjiżi oħrajn u ħadmet?  Għalfejn il-poplu għandu jissagrifika aktar minn ħajtu maqful ġewwa meta nistgħu faċilment nibqgħu ngħixu kif aħna u kulħadd isegwi liġijiet li jiġu infurzati?  U Bernard Grech qed joffri kumpens għal min ikollu jagħlaq għal ġimgħa jew tnejn minħabba din il-miżura?  

Jekk Grech se jitkellem dwar 'setturi ġodda' jeħtieġ jgħid għal-liema setturi qed jirreferi u kif jemmen li Gvern Nazzjonalista potenzjali jista' jattirhom.   U l-lista tibqa' għaddejja.  

Grech irid ikun ħafna aktar konkret milli qatt kien jekk irid jimpressjona. 

Pjattaforma elettorali  

Bernard Grech għandu sagħtejn u nofs li jeħtieġ juża biex jibda jibni l-pjattaforma li minn fuqha se jiġġieled kampanja elettorali li jaf ma tkunx 'il bogħod.  Irid jibda jindika x'se jkunu l-għajtiet elettorali li se jadotta u liema narrativa se jadotta.  

Se jadotta narrattiva li ssawwat lill-Gvern fuq in-nuqqsasijiet kbar fil-governanza matul dawn l-aħħar sebgħa snin u saħansitra assassinju?  Se jadotta narrattiva li tappella għall-ħaddiem u n-negozji ż-żgħar?  Se jadotta narrativa aktar paċifika jew se jmur fuq l-attakk b'mod qawwi?  Se jadotta narrativa aktar konservattiva jew waħda aktar liberali fuq kwistjonijiet soċjali?  

Kull kelma li jgħid Grech nhar it-Tnejn filgħaxija se tkun qed tintiżen kontra dik tal-Prim Ministru l-għada t-Tlieta, kemm mit-telespettaturi kif ukoll  mill-avversarji tiegħu li se jkunu attenti għal kull kelma li tista' ġġibu fl-inkwiet jew tikkontradixxih ma' xi ħadd fil-PN jew inkella li tista' faċilment tinbidel f'catch phrase popolari bħal dik tal-Greċja u l-Griegi.  

Tonalità, qagħda u preżentazzjoni 

Finalment, apparti l-kontenut hemm ukoll id-delivery - il-mod kif se jippreżenta d-diskors tiegħu.  

Naturalment mhux kull politiku jaf jitkellem u għandu l-kapaċità jikkomunika l-messaġġ tiegħu imma hemm qbil ġenerali illi politiċi bħal Dom Mintoff, Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Joseph Muscat, b'mod partikolari kellhom abilità kbira li jwasslu l-messaġġ tagħhom b'mod xi ftit jew wisq konvinċenti.  L-aktar wieħed riċenti kien Muscat li ħafna Nazzjonalisiti stess jammettu illi kien sar mexxej b'abilitajiet komunikattivi eċċezzjonali.  

Naturalment Grech għadu jibda u ma jkunx ġust li jitqabbel ma' dawn iżda mill-ġdid ħafna se jistrieħ fuq it-tonalità li se juża - hux se tkun tonalità li togħla u tinżel, skont l-argument li se jagħmel simili għal kelliema ta' kapaċità jew inkella hux se jkollu tonalità li ġeneralment iddejjaq lin-nies.  

Studji juru illi 38% tal-komunikazzjoni hija determinata mit-tonalità u 7% biss mill-kliem li tuża.  

Kumpaniji u siti differenti li jispeċjalizzaw fil-bejgħ juru kif hemm tonalitajiet differenti u lkoll huma importanti biex iġġiegħel lin-nies jieħdu grazzja miegħek, biex temfasizza u biex finalment tikkonvinċi.  Għal kull mod ta' bejgħ hemm tonalità differenti:  Jekk qed tbigħ wiċċ imb' wiċċ mod, jekk fuq it-telefown mod ieħor u jekk qiegħed fuq it-TV titkellem ma' udjenza ta' eluf ta' nies differenti mill-ġdid.  

Apparti t-tonalità hemm ukoll il-mod kif se jippreżenta ruħu, il-mossi, il-botti li se jitfa' lejn il-Gvern u l-mod kif se jitfagħhom lejn il-Gvern, kemm se jkun sejru pero kemm se jkun leġġer u forsi ftit daħkan f'mumenti oħra, kemm se jkun hemm mumenti li se jħares lejn il-karta ppreparata quddiemu u kemm se jkun spontanju.  

Diskors mhuwiex kliem imma arma li politiċi wżaw biex biddlu l-fortuni tagħhom, il-perċezzjoni dwarhom u xi minn daqqiet biex biddlu partit u pajjiż.   

It-Tnejn filgħaxija se jkun l-ewwel test ta' Grech f'dak li jista' jitqies l-ewwel diskors proprju tiegħu.  Għandu lista twila quddiemu u nhar it-Tnejn filgħaxija nkunu nafu impressjonax jew iddiżappuntax.

More in Politika