'L-aqwa baġit li qatt sar' - Il-PM Robert Abela

Il-PM Robert Abela jgħid illi dan kien l-aqwa baġit li qatt sar b'nefqa ikbar mill-'baġits tas-surplus'

Il-PM Robert Abela jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet - Ritratt ta' Mediatoday
Il-PM Robert Abela jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet - Ritratt ta' Mediatoday

Il-PM Robert Abela ddeskriva l-Baġit tal-lum bħala "l-aqwa baġit" - aqwa minn dawk tas-suprlus, skont hu.  "Dan huwa l-Gvern li rnexxielu jikseb l-akbar finanzjament mill-UE," qal Abela li sostna li llum il-Gvern seta' jagħti aktar għax il-Gvern mexa' bil-galbu.

Abela elenka l-miżuri u qal li Gvern Nazzjonalista kien wiegħed l-istess żieda fil-Cola għall-anzjani, filwaqt li jgħid illi dan il-Gvern qed jagħti lill-pemsjonanti €5 - u allura tliet darbiet aktar mill-COLA. 

"B'kollox koppja se tieħu €880 aktar," qal il-Prim Ministru li kompla jgħid illi koppja pensjonanti li jiddependu minn pensjoni minima se jaraw €770 żieda permezz ta' dan il-Baġit.  "Ma nsejnix lill-klassi tan-nofs lanqas - tax refund, vouchers ... b'kollox €930 aktar wara dan il-baġit," sostna L-PM. 

Huwa qal li dan il-Gvern għandu l-mezzi u jekk irid jista' jagħti aktar għajnuna u joħloq aktar skemi lilhinn minn dak imħabbar illum. 

Abela sejjaħ il-Wage Supplement bħala l-aqwa tarka tal-Gvern għall-ħaddiema, hekk kif dan qed jidħol għal parti mill-paga ta' eluf kbar ta' ħaddiema bi spiża ta' €40 miljun  fix-xahar.

"Jiena kburi mill-poplu Malti u Għawdxi.  Kif qatt tista' tistħi tgħid li int Malti?  Aħna l-pajjiż bl-inqas rata ta' qgħad fl-Ewropa," qal Abela. 

Id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, sostna li għada l-poplu se jqum aħjar mil-lum.  "Dan huwa baġit li jagħmilna kburin li aħna Maltin," qal Fearne.

 

More in Politika