'Baġit li jagħraf l-isfidi tal-pandemija iżda limitat ħafna fil-qasam edukattiv' - MUT

L-MUT tisħaq li huwa tajjeb li l-Gvern jonfoq fil-miżuri ta' mitigazzjoni mill-pandemija imma tappella lill-Gvern biex iħares ukoll fit-tul

Il-Unjin Maltija tal-Għalliema faħħret il-fatt li l-Gvern għaraf l-isfidi tal-pandemija f'dan il-Baġit iżda insistiet li huwa limitat fil-qasam edukattiv.

Fir-reazzjoni tagħha dwar il-Baġit, l-MUT saħqet li l-miżuri ta’ mitigazzjoni għall-pandemija, flimkien ma’ proġetti ta’ titjib tal-infrastruttura fl-iskejjel, jiswew il-flus u jidher li din kienet l-enfażi tal-gvern għal dan il-baġit.

"L-MUT temmen, iżda, li l-Gvern għandu jħares lil hinn mir-restrizzjonijiet tal-pandemija u jagħti direzzjoni lis-settur flimkien ma’ riżorsi adegwati biex l-edukaturi jkollhom biex jaħdmu. F’dan is-sens, peress li d-diskors tal-baġit kien wieħed limitat rigward l-edukazzjoni, l-MUT ser tkun qed tħares lejn l-estimi dettaljati u diskorsi tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol sabiex tifhem aħjar x’hemm ippjanat," insistiet. 

Appellat ukoll biex filwaqt li jaħseb fl-immedjat, il-Gvern għandu jaħseb ukoll fit-tul sabiex jittaffew il-problemi serji li għandna fil-qasam.

Issemmi, fost oħrajn, "il-kriżi" ta’ nuqqas ta’ edukaturi, bl-MUT tisħaq li ilha s-snin tappella li jkun hemm  numru ta’ inċentivi biex aktar żgħażagħ jerqsu lejn il-professjoni.

"Filfatt huwa ta’ dispjaċir li wieħed mill-ftit servizzi li ssemmew fil-baġit u li hu marbut mal-litteriżmu twaqqaf minħabba ċ-ċirkustanzi. L-MUT tispera li s-sena d-dieħla dan is-servizz, flimkien ma’ oħrajn, mhux talli jerġgħu lura fuq saqajhom imma talli jiġu msaħħa ħalli l-edukaturi jkunu jistgħu jkomplu joffru dawn is-servizzi imprezzabbli," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika