Il-Kummissarju għas-Saħħa jikteb lil Charmaine Gauci biex jissaħħu r-restrizzjonijiet

Il-Kummissarju għas-Saħħa Charles Messina qed jisħaq ukoll li l-maskri għandhom jintlibsu fit-toroq u l-multi għal min ma jilbisx il-maskra jitħallsu fi żmien 24 siegħa

Il-Kummissarju għas-Saħħa Charles Messina, kiteb lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, biex juri t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda sostanzjali fil-każi ta’ Covid-19.

Fost oħrajn, il-Kummissarju saħaq li r-rakkomandazzjonijiet li qed joħroġ il-Ministeru, f’dan l-istadju mhumiex biżżejjed. 

Għaldaqstant, il-Kummissarju qed jappella għal dawn il-miżuri:

  • Spezzjonijiet il-ħin kollu u mingħajr avviż fir-ristoranti u anke jinħarġu multi
  • L-ilbies tal-maskri jkun estiż anke għat-toroq u l-postijiet kollha fuq ġewwa (eskluż djar)
  • Il-Pulizija jimmultaw lil dawk li ma jilbsux maskra
  • Il-multi jitħallsu fi żmien 24 siegħa
  • Ikun inkoraġġut it-teleworking
  • Jinħarġu mill-ġdid avviżi legali li ħallew il-frott fix-xhur li għaddew.

Il-Kummissarju insista li l-Ministeru donnu ‘qed iserraħ il-kuxjenza’ billi jgħid li dawk li qed jitilfu ħajjithom qed ikollhom kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.

Fost oħrajn, il-Kummissarju wera t-tħassib tiegħu għax irċieva informazzjoni mingħand persuni, li ġew f’kuntatt ma’ persuni pożittivi għall-virus u li iżda ġew mċaħħda milli jagħmlu swab test sakemm jiżviluppaw is-sintomi.

L-ittra ġiet mibgħuta wkoll lid-Deputat Prim Ministru u Minstru għas-Saħħa Chris Fearne. 

More in Politika