'L-operaturi turistiċi m’għandhomx iġorru l-problemi li ġab fuqhom Robert Abela' - Bernard Grech

Bernard Grech qal dan hekk kif kellu laqgħa mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA)

Bernard Grech
Bernard Grech

"L-operaturi turistiċi m’għandhomx ikollhom iġorru problemi li ġab fuqhom l-aġir irresponsabbli ta’ Robert Abela meta kien ta l-impressjoni li l-imxija tal-COVID kienet għaddiet minn Malta." 

Hekk saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech hekk kif illum kellu laqgħa mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA).

Grech insista li qatt daqs illum ma kien hemm bżonn direzzjoni ċara fil-pajjiż u insista li jeħtieġ ikun hemm miżuri biex il-pajjiż isir aktar attraenti.

“Pajjiżna jrid ikun f'pożizzjoni li joffri l-aqwa sigurtà lit-turisti u ntuhom is-serħan tal-moħħ li jwassal biex huma  jibqgħu jagħżlu lil Malta għall-btala tagħhom,” insista Grech.

Insista li kull meta pajjiż ipoġġi lil Malta fuq listi ma’ pajjiżi mhux meqjusa siguri għas-safar, dan qed iħalli impatt fuq is-settur turistiku lokali kif ukoll fuq l-ekonomija.

Kien għalhekk li saħaq li l-aġir tal-Gvern għandu effett dirett fuq dan is-settur. 

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra tkellem dwar l-importanza li l-Gvern Gvern jippjana l-futur ta’ din l-industrija għas-snin li ġejjin wara t-tmiem tal-pandemija.

Insista li x-xitwa li ġejja se tkun waħda li se toffri sfidi kbar għall-operaturi lokali u għalhekk appella biex dawn jingħataw l-għajnuna kollha possibbli.

Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll temi oħrajn fosthom is-sussidju għas-salarji tal-ħaddiema, skemi sabiex jinżammu l-persuni li diġà għandhom l-esperjenza u l-għarfien tas-settur, is-sitwazzjoni tar-ristoranti u l-iskema tal-vouchers

Il-Kap tal-PN Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, l-Kelliem għall-Industrija tal-Catering u Divertiment, Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Hermann Schiavone, l-President tas-Solidarjeta' Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) Ivan Castillo u l-membru tal-Forum tal-SMEs tal-PN (FSMEPN) Julian Galea, filwaqt li d-delegazzjoni tal-MHRA kienet magħmula mill-President Tony Zahra u mill-Kap Eżekuttiv Andrew Agius Muscat.

More in Politika