Filmat | 'Se jkun hemm bżonn ta' aktar infurzar' - Il-PM

Il-Prim Ministru ta wieħed x'jifhem li se jkun qed jitwessa' l-użu mandatorju tal-maskri fil-pubbliku u anke l-isceening fl-ajruport

Il-Prim Ministru Robert Abela insista li fid-dawl tal-każi dejjem jiżdiedu ta' Covid-19, se jkun qed jiżdied l-infurzar bil-għan li l-pandemija terġa' tibda tinżamm taħt kontroll u jonqsu n-numri.

Abela qal dan waqt laqgħa li kellu f'Kastilja mal-Assoċjazzjoni għar-Ristoranti u l-Lukandi (MHRA) bħala parti mill-proċess konsultattiv qabel il-Baġit 2021.

Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru saħaq li t-tisħiħ tal-infurzar se jkun qed jgħin biex setturi importanti ekonomiċi jkunu jistgħu jinżammu miftuħa.

Filwaqt li saħaq li jifhem lil min qed jilmenta dwar preżenza ta' pulizija fil-barijiet, il-Prim Ministru saħaq li hekk huwa meħtieġ.

"Inkella mhux se ngħaddu minn dan il-perjodu b'suċċess," insista Abela.

Fost oħrajn il-Prim Ministru semma l-użu aktar wiesgħa tal-maskri u l-ħtieġa ta’ aktar screening għall-passiġġieri li jaslu fl-ajruport anke permezz ta’ rapid testing.

More in Politika