'Ġibna riżultati pożittivi fir-riformi Kostituzzjonali, fil-ġudikatura u kontra l-korruzzjoni'

Il-Ministru Zammit Lewis sostna li huwa pożittiv li l-Kummissjoni Venezja qed tirrikonoxxi din il-ħidma li saret mill-amministrazzjoni mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela

Il-Ministru Edward Zammit Lewis
Il-Ministru Edward Zammit Lewis

Il-Ministru tal-Ġustizzja u Governanza Edward Zammit Lewis rringrazzja lill-Kummissjoni Venezja u qal li se jieħu nota tal-opinjoni finali ffinalizzata dwar l-għaxar atti u abbozzi ta’ liġijiet li kienu suġġett tal-opinjoni tal-istess kummissjoni f’Ġunju tal-2020.

"Din l-opinjoni tirrikonoxxi u b’mod ġenerali tikkummenta favorevolment dwar sitta minn għaxar riformi leġiżlattivi li llum saru atti tal-Parlament li emendaw il-Kostituzzjoni tagħna u li kienu jirrekjedu l-vot taż-żewġ terzi iżda ġew maqbula b’mod unanimu mal-Oppożizzjoni," qal Zammit Lewis. 

Sostna wkoll li huwa pożittiv li l-Kummissjoni Venezja qed tirrikonoxxi din il-ħidma li saret mill-amministrazzjoni mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela fuq riformi li kienu ilhom fuq il-karta u suġġett ta’ diskussjoni għal snin twal – riformi li issa ġew implimentati wara qbil unanimu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.  "Ewlenin fosthom il-prerogattivi li kull Prim Ministru Malti sal-lum dejjem żamm f’idejh, fosthom il-ħatra tal-Prim Imħallef u tal-ġudikanti u l-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija."

Il-Ministru tenna li x-xogħol fuq riformi oħrajn li dwarhom kien hemm qbil mal-Kummissjoni Venezja se jitkompla fil-Parlament fil-jiem li ġejjin u se jkun ikkumplimentat minn inizjattivi oħrajn li se jkomplu jsaħħu s-saltna tad-dritt u l-governanza tajba f’pajjiżna.

More in Politika