Il-PN jipproponi tnaqqis fit-taxxa għal dawk is-sidien li jbaxxu l-prezz tal-kera għan-negozji

Il-Partit Nazzjonalista nieda d-dokument ta' qabel il-Baġit bit-tema: 'Ekonomija li taħdem għan-Nies'

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex fil-Baġit għas-sena d-dieħla ma jħarisx biss lejn l-immedjat imma anke lejn il-futur biex ikun hemm pjan ekonomiku li joħloq fiduċja fil-pajjiż.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech nieda d-dokument tal-Oppożizzjoni għall-Baġit tal-2021, bit-tema tiegħu ‘Ekonomija li Taħdem għan-Nies”.

F’dan id-dokument, il-Partit Nazzjonalista qed iressaq ‘il quddiem ‘il fuq minn 100 proposta, bil-Kap Nazzjonalista jisħaq li l-istrateġija tal-PN hija doppja, jiġifieri dik immedjata u anke għall-futur.

Fost il-proposti ewlenin li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista hemm dik li tindirizza l-isfida li qed jiffaċjaw diversi negozji meta jiġu biex iħallsu l-kera. Il-PN qed jipproponi biex kun studjata l-possibbilità li s-sidien li jnaqqsu l-prezz tal-kera għan-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw fi tnaqqis fit-taxxa ekwivalenti għar-roħs fil-prezz tal-kera. 

Diex tgħin lill-familji u lin-negozji fl-immedjat, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex iżid u jestendi s-suppliment tal-paga sa Marzu tal-2021, filwaqt li jnaqqas ukoll ir-rata tal-VAT.

Fil-fatt, il-PN qed jappella lill-Gvern biex is-suppliment tal-paga jkun qed jgħin lis-setturi u lin-negozji kollha milquta ħażin mill-pandemija, b'mod partikolari lejn is-settur tal-kultura u l-ekonomija kreattiva li kienu milquta ħażin ħafna.

Il-Kap Nazzjonalista spjega kif il-PN qed jappella wkoll għal skemi jew inċentivi, bħal dawk biex ikunu rrestawrati l-faċċati tad-djar jew biex familji jinvestu f’enerġija nadifa. Fi kliemu, proposta bħal din tkun qed tagħti spinta lil min jopera f’dawn is-setturi, filwaqt li jolqtu wkoll l-aspett ambjentali u estetiku.

“L-isfidi li għandna quddiemna bħalissa huma opportunità biex inkabbru u nsaħħu l-ekonomija tal-futur biex tkun ekonomija li taħdem għan-nies u mhux bil-kontra,” insista Grech.

Huwa akkuża l-Gvern li l-uniku pjan li kellu biex isaħħaħ l-ekonomija kien il-bejgħ tal-passaporti u l-kostruzzjoni. Insista li l-pjan tal-Gvern kien li jġib eluf ta’ ħaddiema barranin u ‘ħeles’ minnhom meta ma kellux aktar bżonnhom.

Bernard Grech kompla jispjega kif id-dokument iħares lejn setturi oħra, li fi kliemu, intesew kompletament mill-Gvern.

Fost oħrajn semma lil Għawdex u insista li l-gżira jixirqilha strateġija speċifika. 

“L-uniku soluzzjoni tal-Gvern għall-Għawdxin hija li jagħti impjiegi mal-Gvern,” insista Grech. “Din mhijiex viżjoni li toffri prosperità.”

Għalhekk inisista li dan id-dokument jagħti ħarsa lejn dak li għandu bżonn Għawdex filwaqt li insista li l-ewwel u qabel kollox trid tissaħħaħ il-konnettività bejn il-gżejjer permezz ta’ link permanenti. Fost is-setturi għal Għawdex, li l-PN qed jisħaq li jridu jissaħħu, hemm dawk tal-agrikoltura, it-turiżmu domestiku u internazzjonali, is-settur diġitali u anke l-ekonomija ħadra.

Intant, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Mario De Marco, elenka wħud mill-proposti ewlenin li qed jipproponi l-PN. Dawn jinkludu:

  • Sett ieħor ta’ vouchers (fakkar li din kienet proposta oriġinali tal-PN)
  • Estensjoni tal-inċentivi dwar moratorju fuq is-self għal sitt xhur oħra
  • Tnaqqis fil-VAT f’ċertu setturi bħall-akkomodazzjoni u oħrajn milquta ħażin
  • Tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma anke biex jirriflettu l-prezzijiet tas-suq
  • Sussidju fuq il-kirjiet kummerċjali fi proprjetà pubblika għal perjodu ta' sitt xhur
  • Għajnuna biex fabbriki jkomplu jinvestu
  • Għajnuna għall-kmamar tal-aħbarijiet skont il-kobor tagħhom
  • Skemi għall-Kunsilli Lokali biex iħaddru l-lokalitajiet
  • Inċentivi biex jissaħħaħ it-teleworking anke għax dan jista' jgħin biex jonqos it-traffiku
  • Sick leave li ma jkunx użat ikun jista' jintuża 'l quddiem f'każ ta' mard serju
  • Il-leave tal-kwarantina jingħata sħiħ lill-ħaddiema mingħajr tnaqqis fil-paga jew inkella fil-leave
  • Diskussjoni serja dwar il-kunċett tal-Living Wage biex tieħu post il-mekkaniżmu tal-COLA (li bħalissa jikkalkula ż-żieda għall-għoli tal-ħajja)
  • Il-bonus għall-pensjonanti jibda minn meta dawn jagħlqu s-70 sena mhux il-75

Aktar qabel, De Marco ta ħarsa dettaljata lejn l-ekonomija tal-pajjiż bħalissa u kif il-pandemija tal-Covid-19 ħalliet l-effetti tagħha.

Fakkar li hemm setturi, bħal dawk tal-akkomodazzjoni u anke tal-ikel li ġew milquta ħażin ħafna mill-pandemija u allura jeħtieġu attenzjoni partikolari.

Ħares ukoll lejn il-futur u saħaq kif filwaqt li setturi bħat-turiżmu u l-gaming huma imporanti, il-pajjiż jeħtieġ iħares kif jista’ joħloq setturi ġodda biex ikun hemm diversifikazzjoni tal-ekonomija.

More in Politika