L-Air Malta tneħħi t-tariffi għal min ikollu jbiddel id-data tal-ivjaġġar

Il-Linja tal-ajru naqqset ukoll it-tariffa tagħha għall-bdil fl-isem għal €5 biss

Il-linja nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, ħabbret li mil-lum neħħiet it-tariffi għal dawk li jkollhom ibiddlu d-data tat-titjira tagħhom, b’din l-iskema tapplika fuq il-biljetti kollha tagħha maħruġa sal-31 ta’ Diċembru tal-2020 u dan biex tagħmel l-ivjaġġar ħafna aktar faċli fi żmien il-pandemija.

Il-Linja tal-ajru naqqset ukoll it-tariffa tagħha għall-bdil fl-isem għal €5 biss. Din il-promozzjoni se tkun disponibbli fuq in-nollijiet kollha.

“Ninsabu kuntenti li qed inħabbru din il-bidla li hija maħsuba biex toħloq u tiggarantixxi serħan il-moħħ għall-passiġġieri kollha tal-Air Malta. F’dan iż-żmien, nemmnu li l-flessibilità hija essenzjali u b’dawn il-bidliet nittamaw li nkomplu nsaħħu l-fiduċja tal-pubbliku fl-ivvjaġġar bl-ajru u nagħmluha aktar faċli għall-klijenti tagħna biex jibdlu t-titjiriet jekk ikollhom bżonn,” saħaq il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta Paul Sies.

Il-bidliet jistgħu jsiru mingħajr ħlas sal-31 ta’ Diċembru 2020 filwaqt li l-ivvjaġġar jista’ jsir sal-31 ta’ Diċembru 2021, u b’hekk tingħata kull opportunità li tinstab it-titjira t-tajba.

It-termini u l-kundizzjonijiet l-oħra tal-biljett se jibqgħu l-istess. Se tinġabar kwalunkwe differenza fin-nollijiet.

Il-bidliet jistgħu jsiru permezz taċ-ċentru telefoniku, l-Uffiċċju tal-Bejgħ jew l-aġenti tal-ivvjaġġar tal-Air Malta.

Il-bidliet fil-biljetti maħruġa permezz tas-sit web tal-Linja tal-ajru www.airmalta.com jistgħu jsiru wkoll online filwaqt li l-prenotazzjonijiet li saru permezz ta’ aġenti tal-ivvjaġġar jeħtieġ li jsiru direttament mal-Aġent tagħhom.

Għal aktar informazzjoni, żur is-sit www.airmalta.com.

More in Politika