Il-Parlament Ewropew se jibda jagħti kull sena l-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia

Il-Premju ġie approvat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew u dan wara li ħadem ħafna fuqu l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa

Minn Ottubru tas-sena d-dieħla, il-Parlament Ewropew se jibda jagħti l-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia b'mod regolari u kull sena.

Il-Premju ġie approvat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew u dan wara li ħadem ħafna fuqu l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa.

"Il-legat tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia se jibqa' ħaj u se tibqa' mfakkra kull sena waqt iċ-ċerimonja ta' dan il-Premju għall-Ġurnaliżmu," insista Casa. 

Fil-fatt, apparti li ħadem biex il-Premju jkun approvat fil-Plenarja, Casa ħadem ukoll waqt in-negozjati bejn it-tmexxija tal-Parlament u l-gruppi politiċi fi ħdan il-Bureau.

Dan il-Premju se jirrikonoxxi ġurnaliżmu ta’ kwalità li jkun ibbażat fuq il-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni Ewropea. Il-premju se jingħata għal kitbiet jew produzzjonijiet marbuta mal-valuri Ewropej, li jkunu riżultat ta' ġurnaliżmu fid-dettall minn ġurnalisti jew timijiet ta’ ġurnalisti professjonali. Id-data ta’ meta se jibda jingħata dan il-premju se tkun madwar is-16 ta’ Ottubru, bħala simbolu tad-data ta’ meta nqatlet Daphne Caruana Galizia.

Il-Parlament Ewropew hu l-uniku istituzzjoni li jonora lil Daphne Caruana Galizia għall-ħidma investigattiva tagħha. Minbarra l-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia, ftit jiem wara l-assassinju fl-2017, il-Parlament Ewropew semma l-kamra tal-konferenzi tal-aħbarijiet fi Strasburgu ‘Is-Sala Daphne Caruana Galizia’, fejn isiru konferenzi tal-aħbarijiet kuljum waqt is-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu.

More in Politika